Sunday, February 15, 2026

Min qed jaħrab mill-gwerra jew minn persekuzzjoni mhux se jitwaqqaf b’liġi

Aqra wkoll

Fl-Italja diversi unions fosthom is-CGIL qegħdin jopponu bil-qawwa kollha abbozz ta’ liġi deskritt bħala “diskriminatorju, xenofobiku u razzist”. Dan l-abbozz ta’ liġi imsejjaħ ‘Remigrazione’  jinqeda bil-kwistjoni tas-sigurtà biex ħoloq għadu – dak li hu differenti, u qiegħed jipprova jdaħħal miżuri biex l-immigranti jitwaqqfu u jintbagħtu lura.  Proprju fl-aħħar sigħat il-fergħa ta’ CGIL f’Genova u diversi organizazzjonijiet oħra niżlu fit-toroq bien juru id-diżapprovazzjoni tagħhom għal din il-liġi. Għaqdiet oħra non governattivi fosthom dawk li jsalvaw l-immigranti ukoll tkellmu kontra din il-liġi u ddikjaraw li se jirreżistuha.

Attivisti li tkellmu ma’ IT-TORĊA  iddikjaraw li “l-abbozz ta’ liġi “Remigrazione” huwa kuntrarju għall-prinċipji kostituzzjonali għax huwa mimli b’kontenut razzist u xenofobiku. L-idea wara l-abbozz ta’ liġi, li, skont il-proponenti tiegħu, trażżan il-migrazzjoni billi tiżgura sigurtà akbar, hija għal kollox bla bażi. Is-sigurtà hi l-prodott ta’ soċjetà aktar ġusta b’aktar drittijiet, ħielsa minn pagi baxxi ħafna minħabba in-nazzjonalità u r-residenza, impjiegi prekarji u sfruttament. Dawn il-pjagi soċjali jitfejqu biss permezz ta’ djalogu f’soċjetà inklussiva.”

“Hu fatt li dawk li qed jaħarbu mill-gwerra, il-persekuzzjoni, u l-ġuħ mhux se jitwaqqfu b’liġi. Nemmnu f’politika ta’ akkoljenza u mhux diskriminatorja jitqies fil-politiki ta’ akkoljenza. Infakkru li  setturi sħaħ ekonomiċi u soċjali sħaħ huma appoġġjati bil-ħidma tal-immigranti.”

Jenfasizzaw li “l-ħolqien ta’ għadu u tad-differenti hi xejra  antika użata mil-lemin estrem. Issa qed jiġi introdott mill-ġdid lilna minn proponenti li jirreferu apertament għal ideoloġiji megħluba mill-istorja. Hawn f’Ġenova, qegħdin f’belt li  ħelset lilha nnifisha mid-dittatorjat Nazista-Faxxista, ma tistax tittollera liġi bġal din. Għalhekk inżilna fit-toroq”. L-abbozz sar wara li saret petizzjoni u inġabru l-firem minn organizazzjonijiet tal-lemin estrem.

Ta’ min wieħed jirrimarka li qabel ma ġiet eletta Prim Ministru, Giorgia Meloni kienet għamlet it-theddida li  timponi imblokk navali fil-Baħar Mediterran u dan biex twaqqaf dgħajjes li jġorru migranti u dawk li jfittxu ażil milli jaslu l-Italja. 

Issa l-gvern immexxi mill-istess Meloni, issa ppropona abbozz ta’ leġiżlazzjoni li jippermettilu jagħmel preċiżament dan.

L-abbozz ta’ liġi kien approvat mill-Kabinett fil-11 ta’ Frar, jippermetti lill-gvern li  jipprojbixxi dgħajjes milli jidħlu fl-ibħra territorjali Taljani “f’każijiet ta’ theddid gravi għall-ordni pubbliku jew is-sigurtà nazzjonali.” Il-projbizzjonijiet jistgħu jiġu imposti għal 30 jum, li jistgħu jiġġeddu sa sitt xhur konsekuttivi. Ir-raġunijiet biex tiġi attivata l-projbizzjoni huma estensivi: riskju konkret ta’ atti ta’ terroriżmu jew infiltrazzjoni ta’ terroristi fit-territorju nazzjonali, “pressjoni migratorja eċċezzjonali,” emerġenza tas-saħħa globali, jew avvenimenti internazzjonali ta’ livell għoli li jeħtieġu miżuri ta’ sigurtà straordinarji.

B’din il-leġiżlazzjoni, l-Italja trid twaqqaf id-dgħajjes u tirritorna lil dawk abbord, apparentement mingħajr ebda valutazzjoni tal-bżonnijiet ta’ protezzjoni, il-vulnerabbiltajiet, jew is-saħħa fiżika u mentali tagħhom, lejn pajjiżi terzi li magħhom l-Italja għandha ftehim li tagħmel dan.  Il-leġiżlazzjoni timponi fuq organizzazzjonijiet mhux governattivi li jwettqu tiftix u salvataġġ biex isalvaw il-ħajjiet fuq il-baħar. Il-ksur tal-projbizzjoni jkun punibbli b’multi sa €50,000  u sekwestru ta’ dgħajjes għal reati ripetuti. 

Kollox jindika li fil-jiem li ġejjin se jiżdiedu l-protesti waqt li l-għaqdiet non governattivi se jisfidaw din il-liġi.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport