Thursday, December 18, 2025

Min se jiftaħ ħalqu?… xahrejn mill-ftehim u t-terrur fil-Lvant Nofsani jibqa’ għaddej

Aqra wkoll

Għaddew xahrejn minn dak li kien issejjaħ ftehim ta’ paċi.  Ftehim ta’ paċi li ħafna ħarġu jdoqqu it-trombi dwaru. Kienu tkellmu li qisu b’dak il-ftehim kollox kien solvut. Li dik l-inumanità li konna qegħdin naraw ta’ kuljum, dak il-qtil tal-innoċenti, dawk l-attakki, kienu se jieqfu. Ma ninsewx xahrejn ilu kienu ħabbrulna dik li sejħu ‘paċi dejjiema’ fil-Lvant Nofsani. 

Minkejja dak li ħabbrulna, l-inumanità fil-Lvant Nofsani għadha għaddejja. L-isfortuna hi li llum kulħadd fommu mitbuq. Kulħadd sieket. Qegħdin naraw episodji ta’ inumanità ġodda imma dawk il-politiċi li tant ftaħru bil-pjan ta’ paċi, qegħdin idawru wiċċhom banda oħra. Qegħdin jaġixxu daqslikieku mhu jiġri xejn. Fittxu dak li jgħidu l-politiċi Ewropew u taraw meta l-aħħar li tkellmu dwar din il-kriżi umana fil-Lvant Nofsani. Kriżi umana li l-Unjoni Ewropea hi fid-dmir li tara li ma tibqgħax għaddejja. Dan anke minħabba ftehim li għandha mal-Iżrael, liema ftehim hemm stipulat fih li atti bħal dawk li qed jitwettqu suppost iwasslu biex dak il-ftehim jieqaf. Minn dan kollu ma sar xejn. 

Proprju fit-13 ta’ Ottubru sar is-summit ta’ Sharm el-Sheik fl-Eġittu. F’dan is-summit Donald Trump iddikjara l-“paċi dejjiema” fil-Lvant Nofsani. Lil hinn minn dan imma llum qegħdin jidħlu dubji kbar dwar dan l-istess ftehim u l-intenzjonijiet tiegħu. Qegħdin ngħidu dan għax minn mindu nħelsu l-aħħar ostaġġi Iżraeljani u waqfu l-attakki li litteralment qerdu lil Gaza, is-suppost pjan ta’ paċi li kien ħareġ bih il-President tal-Istati Uniti waqaf għal kollox. Mhux hekk imma qegħdin nisimgħu dikjarazzjoni xokkanti ġejjin minn esponenti Iżraeljani.

Hu fatt li minkejja s-suppost ftehim ta’ paċi, il-militar Iżraelit għadu qiegħed jokkupa parti sostanzjali minn Gaża.  Minkejja l-ftehim, qegħdin naraw il-poplu Palestinjan f’Gaża litteralment abbandunat. Jgħixu f’tined mgħarrqin bl-ilma. B’nuqqasijiet kbar. B’kundizzjonijiet mill-aktar degradanti. Hemm aktar minn żewġ miljun Palestinjan jitħabtu biex jgħixu. 

U minkejja l-ftehim ta’ paċi ara taħsbu li hu faċli li wieħed isir jaf b’mod car ħafna t-tbatija li għaddejjin minnha l-familji Palestinjani f’Gaża. Tali informazzjoni tista’ tasal biss minn membri tal-midja – mill-ġurnalisti. Minkejja dan, il-Gvern ta’ Netanyahu għadu jiċħad aċċess liberu lill-midja.  Dan qiegħed isir bi skop. Biex tiġi mistura kemm jista’ r-realtà Palestinjana. Imnalla jkunu persuni u ġurnalisti Palestinjani li juru dak li għaddejjin minnu. Il-Gvern ta’ Netanyahu bl-appoġġ totali ta’ l-Istati Uniti, qegħdin ikomplu jikkontrollaw l-attenzjoni u jagħmlu minn kollox biex jostru t-terrur. 

Qegħdi jostru t-terrur mhux f’Gaża imma issa anke fix-Xatt tal-Punent. Hemmhekk hemm sitwazzjoni inkwetanti għall-aħħar. It-tensjoni hi għolja ħafna. Quddiem l-aggressività li dejjem uża l-Gvern ta’ Netanyahu, illum anke persuni Iżraeljani li jgħixu fix-Xatt tal-Punent qegħdin iwettqu terrur sħiħ fuq il-Palestinjani. 

Hu fatt illum li t-tensjoni fix-xatt tal-Punent hi għolja ħafna. Vuċijiet ta’ persuni li jgħixu fix-Xatt tal-Punent qegħdin jiddikjaraw b’mod ċar ħafna li t-tensjoni fix-Xatt tal-Punent qatt ma kienet daqstant qawwija. 

Kemm se ndumu nisimgħu u naraw filmati ta’ abbużi minn membri tal-militar tal-Gvern ta’ Netanyahu? Kemm se ndumu naraw vjolenza?  Kemm se ndumu naraw mibegħda? L-abbużi dejjem jiżdiedu u li qegħdin dejjem isiru aktar imdemmija mill-kolonizzaturi, tirrifletti l-influwenza dejjem tikber taż-Żjonisti.  Din il-politika li mhix xejn għajr politika ta’ insedjament qiegħda tkompli toħloq kriżi u tifred.

Il-mistoqsija hi ċara ħafna. Għaliex kulħadd sieket? Fejn hi l-Unjoni Ewropea?  Unjoni bbażata u imwaqqfa fuq is-solidarjetà, kif jista’ jkun tibqa’ iddawwar wiċċha u tinjora din il-kriżi umana – din il-vjolenza. 

U waqt li qegħdin naraw l-Unjoni Ewropea u pajjiżi oħra idawwru wiċċhom u jinjoraw il-gvern ta’ Netanyahu ikompli għaddej bl-inumanità tiegħu. Gvern li fi ħdanu għandu l-elementi estremisti, li bihom qiegħed imexxi. Dawn huma l-partit Otzma Yehedut u n-Noam Party. 

Nemmnu li dak li qiegħed isir qed iseħħ għax illum hu ċar u dan anke kien dikjarat mill-partiti estremisti fil-Gvern ta’ Netanyahu, hu dak li jittieħed ix-Xatt tal-Punent.  Dawn l-estremisti tkellmu fuq it-trasferiment, jiġifieri id-deportazzjoni – tal-Palestinjani li jgħixu hemm. Madankollu din il-politika ta’ terrur ġiet approvata wkoll mill-koalizzjoni kollha fil-gvern ta’ Netanyahu. Ma wasslet kważi l-ebda protesta minn partiti li jsostnu li jopponu lil Netanyahu. Illum qegħdin narawha titwettaq, bit-tensjoni li hemm fix-Xatt tal-Punent. 

Kollox jindika li l-Komunità Internazzjonali, bl-Unjoni Ewropea inkluż jidher li huma kuntenti li l-persuni f’Gaża m’għadhomx imutu b’ammont sostanzjali kuljum. Donnhom ikkuntentaw bil-fatt li qegħdin imutu inqas nies innoċenti. Ir-realtà imma hi li l-imwiet għadhom għaddejjin. Il-mibegħda għadha għaddejja u għadha timmanifesta ruħha quddiem għajnejn kulħadd. 

Din hi realtà xokkanti. Realtà li wieħed ma jifhimx għaliex il-politiċi ewlenin qegħdin idawwru wiċċhom banda oħra. Realtà imma li ma nistgħux inħalluha għaddejja. Ma jistax ikun li din ir-realtà ma nitkellmux fuqha. Ma jistax ikun li tibqa’ tinħeba. Wara din it-tbatija u wara dak li għaddej, hemm ibatu nies innoċenti. Tfal. Anzjani. Familji. Persuna morda.

Meta se jibdew jinħarġu kundanni ċari għat-terrur li għadu għaddej? Meta se jiġi kkundannat dak li għadu qiegħed iseħħ f’Gaża u fit-Xatt tal-Punent?

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport