Bħalissa l-mistoqsija fuq fomm id-dilettanti tal-football Taljan hija: “Min se jirbaħ l-Iscudetto? Dawn li ġejjin huma rebbieħa tat-Tazza tad-Dinja tal-1982 u tal-2006 li jagħtu l-opinjoni tahgħhom fuq dan is-suġġett.
GIGI BUFFON – “Milan huma l-favoriti, iżda biss għax għandhom rekord aħjar ras imb’ras … u jistgħu jitilfu logħba waħda li dan ifisser ħafna.
“Mike Maignan, Zlatan Ibrahimovic u Stefano Pioli se jkunu l-valur miżjud, għal Inter ngħid Samir Handanovic, Marcelo Brozovic u Simone Inzaghi. L-aktar logħba delikata ta’ Milan hija nhar il-Ħadd kontra Verona. jirbħu t-titlu anke jekk jiksbu draw.”
ALBERTO GILARDINO – “Milan jibqgħu l-favoriti għax il-vantaġġ tagħhom ta’ żewġ punti jista’ jagħmel id-differenza. Nittama li Ibrahimovic ikun il-bniedem ewlieni, speċjalment jekk jirtira fi tmiem l-istaġun. It-titlu jkun iċ-ċirasa fuq il-kejk ta’ karriera straordinarja.
“Min-naħa l-oħra, Edin Dzeko huwa dejjem deċiżiv. Inter jissieltu kontra Cagliari, filwaqt li l-partita kontra Verona tista’ tkun l-aktar waħda diffiċli għal Milan.”
DINO ZOFF – “Naħseb li Milan huma l-favoriti, iżda jridu jmexxu l-vantaġġ tagħhom b’għaqal. Mhux se jkun hemm biss player deċiżiv, iżda l-impenn tat-team. F’dan il-mument, huwa kruċjali li tkompli tilgħab bħala team.
“Fuq il-karta, Milan għandhom lista ta’ logħob aktar iebsa minn Inter, iżda l-logħob li fadal huwa kumplikat, il-partita kontra Verona se tkun kruċjali għal Milan.”
GIANLUCA ZAMBROTTA – “Fuq il-karta, meta wieħed iqis il-logħob li fadal, ngħid Inter. Iżda jekk inħares lejn il-klassifika u l-mument, ngħid Milan.
“Għandhom rekord aħjar ras imb’ras, għandhom entużjażmu u jinsabu fil-forma. Rafael Leao, Maignan u Sandro Tonali jkunu deċiżivi għal Milan, Handanovic, Lautaro u Ivan Perisic għal Inter.
“Il-logħba kontra Verona se tkun diffiċli għal Milan, filwaqt li Inter għandhom ilaħħqu ma’ Cagliari u x-xewqa tagħhom li jevitaw ir-relegazzjoni.”
MARCELLO LIPPI – “Fl-aħħar xahrejn, kont ħsibt li Inter se jagħmluha. Dehru l-favoriti, aktar rrabjati, determinati u b’logħba f’idejhom, iżda l-partita f’Bologna bidlet kollox. Issa Milan għandhom vantaġġ ta’ żewġ punti u rekord aħjar ras imb’ras. Jien ngħid Milan.
“Jogħġobni Stefano Pioli, huwa coach prattiku b’organizzazzjoni kbira. Huwa jittrasmetti serenità lit-team tiegħu. Sa ċertu punt, aħna simili.”
ALESSANDRO ALTOBELLI – “Ngħid li Inter għax il-lista tal-partiti se tkun deċiżiva u nista’ narahom jirbħu l-logħob kollu li fadal, filwaqt li m’inix ċert wisq dwar Milan.
“Huma timijiet differenti. Inter jilagħbu football tajjeb u diffiċli ssib player aktar deċiżiv minn oħrajn anke jekk Brozovic huwa l-inqas sostitwibbli.
“Għal Milan, huwa loġiku li tagħżel lil Leao bħala l-aktar player deċiżiv. Jista’ jibdel il-logħba minn mument għall-ieħor.”
FULVIO COLLOVATI – “Naħseb li Milan għandhom 55% ċans li jirbħu t-titlu. Huma għandhom żewġ punti vantaġġ, tlieta meta wieħed iqis ir-rekord ras imb’ras.
“Leao huwa l-bniedem tal-mument, tgħallem kif jimmaniġġja l-parti deċiżiva tal-logħob. Għal Inter, ngħid Perisic anke jekk Dzeko jista’ ikun deċiżiv. Inter se jkollhom ibatu f’Cagliari, filwaqt li l-logħba ta’ Verona se tkun kruċjali għal Milan minħabba li Atalanta naqqsu ħafna. Jekk Milan jirbħu fil-Bentegodi, dawk il-55% jsiru 90%.”