Meta llum tintlagħab il-finali tat-Tazza tad-Dinja 2022 li ġiet organizzata fil-Qatar, suġġett li jinteressa ħafna lid-dilettanti tal-football huwa dak ta’ min se jispiċċa l-Aqwa Skorer tal-kompetizzjoni.
Dan l-unur se jmur għand player mill-Arġentina jew Franza meta hemm xejn inqas minn erbgħa li għandhom iċ-ċans li jirbħu ż-Żarbun tad-Deheb.
Dawn huma Lionel Messi tal-Arġentina u Kylian Mbappe ta’ Franza li s’issa skorjaw ħames goals kull wieħed u Julian Alvarez tal-Arġentina u Olivier Giroud ta’ Franza li sabu x-xibka avversarja erba’ darbiet kull wieħed.
Iżda l-ebda wieħed minnhom m’hu se jkun il-player minn pajjiżu li jissupera r-rekord ta’ Guillermo Stabile li fl-ewwel edizzjoni tal-1930 skorja tmien goals għal Bluceleste u ta’ Just Fontaine li fl-1958 skorja xejn inqas minn 13-il goal għal Les Bleus.
L-aqwa skorer ta’ kull żmien huwa l-Ġermaniż, Miroslav Klose, li skorja 16-il goal segwit mill-Brażiljan Ronaldo bi 15, il-Ġermaniż l-ieħor Gerd Muller b’14, Fontaine bi 13 u l-leġġendarju Brażiljan Pelé bi 12.
Messi jinsab fuq 11-il goals iżda meta din tidher li hija l-aħħar dehra tiegħu fil-finali Mondjali ma jidhirx li għandu xi ċans li jissupera lil Klose.