Intlaħaq ftehim fost il-pajjiżi fl-Unjoni Ewropea biex mis-sena d-dieħla tidħol fis-seħħ id-Direttiva dwar it-Trasparenza tal-Pagi, indikatur importanti rigward l-ugwaljanza bejn is-sessi.
Bħala parti mill-proġett li qiegħda tieħu sehem attiv fih il-General Workers’ Union – “Mind the Gap – joint actions of workers’ organizations for bridging the gender pay gap (GPG), ittella’ workshop, ikkordinat mis-Segretarju tat-Taqsima Gvern, Entitajiet Pubbliċi u Saħħa Kendrick Bondin, fuq jumejn immexxi minn Dr Yana Mintoff u Dr Mary Grace Vella, ir-riċerkaturi li ħadmu fuq id-dokument ta’ riċerka f’Malta. F’dan id-dokument wieħed isib informazzjoni dwar is-sitwazzjoni preżenti fostna permezz ta’ riżultati ta’ statistiċi, focus groups u intervisti ma’ diversi stakeholders, saret riċerka fuq is-suġġett, biex tissaħħaħ din id-Direttiva.
Min jixtieq taċċessa s-sejbiet jista’ jidħol fuq: https://gwu.org.mt/en/mind-the-gap/
Matul dawn iż-żewġ laqgħat il-parteċipanti ddiskutew id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi f’Malta, il-leġiżlazzjoni Maltija, is-sitwazzjoni f’Malta, il-metodoloġija, ir-riċerki u rakkomandazzjonijiet li ħarġu mir-riċerki.
“Mir-riżultati tar-riċerki li għamilna sibna li aktar ma nisa qed jidħlu fid-dinja tax-xogħol, u għalhekk l-employment gap qegħda tiċkien, madankollu d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi qed tiżdied fostna. Minkejja li l-liġi Maltija tipprojbixxi li jkun hemm diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi,” qalet Dr Yana Mintoff.
“Permezz tar-riċerki smajna diversi esperjenzi, rakkomandazzjonijiet, ngħatajna aktar informazzjoni, smajna liema setturi għandhom l-ogħla jew l-inqas rata ta’ diskrepanzi, il-vantaġġi li jista’ jkun hemm meta tkun implimentata d-Direttiva u/jew l-isfidi/żvantaġġi f’pajjiżna,” żiedet tgħid Dr Mary Grace Vella.
Spjegat li mir-riżultati jidher fiċ-ċar li hemm problema strutturali. Qalet li forsi fuq il-karti jkun hemm imniżżel li n-nisa fuq il-post tax-xogħol qegħdin jaqilgħu daqs l-irġiel iżda ġieli jkun hemm id-diskrepanzi minħabba kawżi sottostanti bħal kuntratti personali, leave tal-maternità, nuqqas ta’ team work u fastidju sesswali. Kif ukoll minħabba attitudnijiet patrijarkali u sterjotipi tas-sessi. Dawn id-diskrepanzi jkunu diffiċli biex wieħed jikkwantifikahom jew jiġġildilhom fuq bażi legali, minkejja li jkunu qegħdin hemm.
Mir-riċerki li saru nstab li f’Malta fl-2022 d-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi kienet dik ta’ 10.2%, kienet tvarja fost setturi differenti pero kienet l-ogħla fis-settur finanzjarju u ta’ tar-real estate bi 24.1%.
“Sikkina taqta’ minn żewġ naħat hekk kif dak li hu ħażin għan-nisa huwa wkoll hażin għall-bqija tal-ħaddiema, hekk kif jimpatta l-kundizzjonijiet tax-xogħol għal kulħadd,” qalet Dr Mintoff.
Ġie rakkomandat li jeħtieġ issir aktar riċerka, tingħata definizzjoni aktar dettaljata, jiġu indirizzati l-kawżi sottostanti kawżati minn diversi fatturi, jiġi introdott living income minimum, jiżdied l-investiment fil-benefiċċji soċjali u protezzjoni kif ukoll miżuri edukattivi u aktar inċentivi. Kif ukoll jiġu indirizzati r-realtajiet nazzjonali hekk kif id-Direttiva jrid ikollha għarfien ta’ realtajiet speċifiċi fl-Istati Membri.
Ingħad li għandu jkun hemm bidla fl-attitudnijiet patrijarkali, approċċ ibbażat fuq id-dritt għall-impjieg, rabta bejn ix-xogħol u l-ħajja personali, nikkumbattu s-segregazzjoni bejn is-sessi fl-edukazzjoni u s-suq tax-xogħol, prattiċi organizzattivi aktar trasparenti u responsabbli u aktar monitoraġġ u infurzar tal-prinċipju ta’ paga indaqs għall-istess xogħol u xogħol tal-istess valur.
Jeħtieġ ukoll li jkun hemm aktar kollaborazzjoni u networking bejn entitajiet nazzjonali biex jindirizzaw il-gaps u jaħdmu flimkien għad-drittijiet tal-ħaddiema. Ġie rakkomandat ukoll, kif ilha tisħaq proprju l-GWU li kull ħaddiem jingħaqad fi trejd unjin tal-għażla tiegħu biex ikollu protezzjoni b’saħħitha. Kif ukoll li jinħoloq Pay Transparency Unit li jaħdem fuq l-implimentazzjoni ta’ din id-Direttiva.
Il-parteċipanti qablu li permezz ta’ għaqda bejn in-nisa fuq il-postijiet tax-xogħol, ħaddiema li jinkludu dawk femminili jagħmlu parti mill-Pay Transparency Directive Unit, azzjonijiet konġunti, diskussjonijiet, focus groups u trainings, negozjar kollettiv u assessjar kollettiv dwar il-GPG fost oħrajn huma indikaturi importanti biex ikollna anqas diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi u aktar ugwaljanza bejn is-sessi.
Huwa importanti li tingħeleb id-diskrepanza fil-pagi bejn is-sessi. Minbarra li din hija indikatur important ta’ ugwaljanza, tfisser ukoll investiment fil-benessere tal-poplu fejn tidħol is-saħħa, housing, is-soċjal kif ukoll l-edukazzjoni. FL-aħħar mill-aħħar għall-ġid tal-ekonomija globali.