Sunday, December 22, 2024

Mingħajr azzjoni immedjata mijiet ta’ miljuni ta’ persuni se jkollhom ifittxu art oħra sal-2100

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jiddiskuti t-theddid tat-tibdil fil-klima u ż-żieda fil-livell tal-baħar

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-isfida tat-Tibdil fil-Klima kienet s-suġġett prinċipali tad-diskussjoni li komplew fil-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti fi New York.

Il-Ministru għall-Affarijiet Barranin Ian Borg mexxa din il-laqgħa ta’ diskussjoni li fost l-oħrajn rat kif żieda fil-livell tal-baħar tista’ tkun ta’ theddida internazzjonali għall-paċi u s-sigurtà internazzjonali.

Il-Ministru Ian Borg beda biex jgħid li r-riċerka xjentifika tista’ tgħin biex jiġu identifikati u indirizzati dawn it-theddidiet. Il-Ministru Malti kompla biex jgħid li f’pajjiżna, bħala gżira, ninsabu  konxji dwar dawn ir-realtajiet u bħala membru tal-kunsill, lesti li nkomplu nibnu fuq dak li nbeda fl-aħħar xhur f’dan ir-rigward. 

Borg saħaq li l-konsegwenzi politiċi u tas-sigurtà relatati maż-żieda fil-livell tal-baħar jirriflettu realtà potenzjalment katastrofika li jekk ma tiġix indirizzata tista’ twassal għal dinja kompletament differenti minn dik li qed ngħixu fiha bħalissa.

Rigward iż-żieda tal-livell tal-baħar, il-Ministru qal li din qiegħda twassal biex l-ilma tal-baħar jitħallat f’sistemi tal-ilma tax-xorb u anke f’art agrikola, bil-konsegwenza ta’ problemi serji anke fuq il-provvista tal-ikel kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll fuq dak internazzjonali. Żied biex jgħid li skont studji xjentifiċi li minnhom pajjiżna kompla jsaħħaħ il-fehma tiegħu rigward l-urġenza li din is-sitwazzjoni tiġi indirizzata, nistgħu nbassru li sal-2060, sa biljun persuna jistgħu jkunu qegħdin jirriskjaw li jiġu affettwati minħabba dan it-taqlib filwaqt li mijiet ta’ miljuni se jkollhom jiċċaqilqu sas-sena 2100.  F’dan ir-rigward il-Ministru qal li dawn il-figuri jistgħu jkunu qegħdin jiżdiedu jekk tibqa’ ma titteħidx azzjoni.

“Realtà potenzjalment katastrofika li jekk ma tiġix indirizzata tista’ twassal għal dinja kompletament differenti minn dik li qed ngħixu fiha bħalissa”

Il-Ministru Ian Borg

Filwaqt li kompla biex jitkellem dwar sfidi oħrajn li qegħdin jaffaċċjaw ċertu pajjiżi, il-Ministru qal li l-Kunsill jħoss li għandu jisma’ l-karba ta’ dawk l-iktar affettwati minn dawn ir-realtajiet fil-ħajja ta’ kuljum, b’mod speċjali nisa li jinsabu fuq quddiem nett biex jidentifikaw l-azzjonijiet li hemm bżonn li jittieħdu, liema azzjonijet jistgħu jħallu impatt pożittiv fuq il-popolazzjonijiet u r-reġjuni tagħhom. Il-Ministru ma naqasx milli jsemmi l-bżonn ta’ iżjed protezzjoni għan-nisa indiġeni hekk kif bħala difensuri tal-ambjent fejn jgħixu, minħabba li t-tibdil fil-klima qegħdin jispiċċaw fil-mira ta’ theddid u vjolenza kontrihom.

“Billi mexxiet il-konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Liġi tal-Baħar li sal-lum, tibqa’ pilastru fundamentali li tassigura l-paċi u s-sigurtà fuq il-baħar.  Malta tibqa’ impenjata biex tassigura li jinstemgħu l-vuċijiet ta’ dawk l-Istati u l-popli l-aktar affettwati”, sostna l-Ministru għall-Affarijiet Barranin Malti.

Kelliema oħrajn esprimew it-tħassib tagħhom għaIl-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima li kulma jmur qegħdin jiżdiedu u xhieda ta’ dan huma episodji ta’ diżastri relatati mat-temp, nixfiet, temperaturi li qegħdin jiżdiedu u livelli tal-baħar li jekk kemm-il darba jkomplu jogħlew jistgħu jwasslu għal ħsarat infrastrutturali kritiċi u saħansitra komunitajiet kostali u gżejjer sħaħ li jispiċċaw biex jitilfu t-territorji tagħhom.

Sostnew li ma nistgħux niċħdu li t-tibdil fil-klima hija waħda mill-ikbar theddidiet u jekk ma titteħidx azzjoni se jkunu qegħdin ibatu dawk l-iktar li qegħdin f’riskju.  

Ekonomija

Sport