Sunday, December 29, 2024

Mingħajr daqq ta’ trombi armajna tim tajjeb u effettiv – Chris Cassar (Segretarju Birgu Regatta Club)

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Id-distrett tal-Birgu rebħa l-Aggregate Shield tar-Regatta li saret f’Jum il-Vitorja, it-tmienja ta’ Settembru meta fi tmiem eċitanti, huma rebħu l-aħħar tiġrija li tiġbor fiha l-aktar punti biex għelbu lill-Isla b’vantaġġ ta’ żewġ punti.

Dan ifisser li wara 40 sena huma rebħu x-Shield waħedhom wara li s-sena l-oħra reb­ħuha flimkien ma’ Bormla. Kienet wirja kollettiva mill-qaddiefa ferm bravi u abbli ta’ dan id-distrett li flimkien ġabu din ir-rebħa fil-Belt Vittoriosa.

Kategorija B intrebħet minn Bormla għat-tielet darba konsekuttiva meta filwaqt li huma rebħu l-aħħar tiġrija, il-Kalkara, li dehru li se jo­ħorġu rebbieħa, ma kklassifi­kawx minħabba li kellhom in­ċi­dent mad-dgħajsa tal-Birgu.

Fil-kategorija tan-nisa, għal darb’oħra Birgu kienu r-rebbieħa, permezz tal-koppja Shazel Grima u Glynis Mizzi. Birgu tejbu l-ħin tagħhom b’26 sekonda kkumparat mas-sena l-oħra, meta lestew it-tiġrija f’seba’ minuti u 38 sekonda.

Wara dan is-suċċess, dan il-ġurnal ħa l-kummenti tas-segretarju tal-klabb, Chris Cassar.

L-ewwelnett x’kien is-sigriet ta’ dan is-suċċess ta’ dan ir-rebħ tax-Shield wara 40 sena?

Bla dubju naħseb li wieħed mis-sigrieti ta’ dan is-suċċess li ksibna fir-regatta tat-8 ta’ Settembru kien proprju li mingħajr daqq ta’ trombi armajna tim tajjeb u effettiv li għenna nagħmlu progress ġurnata wara l-oħra. Inkun qed nigdiblek jekk ngħidlek li ma ġejniex għal din ir-regatta ta’ Jum il-Vitorja mingħajr ma ppuntajna għar-rebħa. Konna wieħed mill-klabbs li kienu sfidanti ewlenin għax-Shield iżda kollox sar bil-kwiet u naħseb dan kien importanti. Kellna wkoll l-aqwa kajjikk, fil-kompetizzjoni ta’ b’erbgħa konna wkoll l-aħjar u anke f’dik tal-midalji. Fil-frejgatina kien hemm progress filwaqt li f’dik ta’ bi tnejn stajna morna aħjar. Minkejja kollox, l-aħħar tiġrija ddeterminat l-eżitu finali tar-riżultat li kien dak tar-rebħ tax-Shield.

Bla dubju li kellkom ukoll qaddiefa ferm b’saħħithom li għenu sew sabiex wasal dan is-suċċess?

Iva nemmen li kellna wkoll l-aqwa qaddiefa għalkemm tajjeb li ngħid li kemm l-Isla kif ukoll Bormla kien hemm ukoll kompetizzjoni akkanita u anke huma jkollhom qaddiefa tajbin. Aħna ngħid li ħdima aktar b’moħħna u b’xi mod irnexxielna. Is-saħħa hi importanti wkoll u konna kunfidenti ħafna f’dak il-lat. Id-dgħajsa ta’ b’erbgħa kienet tajba u kien hemm li ksibna wkoll xi punti li żidnihom mal-oħrajn.

Xi tgħidli dwar l-organizzazzjoni tal-Għaqda Regatta u Qdif ieħor?

Jien ngħid li għamilna titjib u morna għall-aħjar għalkemm għad fadal aktar affarijiet x’wieħed jirranġa. Fost l-oħrajn meta jkun hemm id-delegati li jkunu ilhom hemm min-nofsinhar sas-sitta ta’ filgħaxija, wieħed jippretendi li jkun hemm area organizzata ħafna aħjar forsi b’aktar tined kif ukoll ikel u xorb. Naħseb li l-gvern irid jinvesti iktar f’dan ir-rigward. Aħna min-naħa tagħna, armajna t-tined tagħna għalkemm sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar, l-ikel kien diġa’ spiċċa. Jien ngħid li issa li qamu l-Birgu, din ir-regatta ġibdet ħafna nies u dan kollu għamel id-differenza kollha. Kien hemm ukoll ħafna dgħajjes mal-planki u jidher li l-kompetizzjoni qed tikber. Aħna għandna akkademja b’40 tifel u ntenni l-fatt li l-gvern irid jinvesti aktar fihom sabiex il-popolarita’ tar-Regatta tkompli żżid. 

Madankollu b’din l-akkademja u anke b’inizjattivi li qed tieħdu, jidher li hemm futur sabiħ fi ħdan Birgu Regatta Club hux hekk?

Iva nemmen li se jkollna futur sabiħ u se nieħdu pjaċir fis-snin li ġejjin. Tajeb li ngħidu li f’kategorija B, kien hemm ħafna żgħażagħ li ħadu sehem u dan hu frott tal-akkademja tagħna li hi waħda effettiva u li fiha kif għedtlek tiġbor 40 tifel. Kuntent u sodisfatt ukoll li bgħatna tfal ta’ 15-il sena jieħdu sehem f’din il-kategorija. Dawn qed jitrawmu u jkomplu jikkompetu f’livelli għoljin ħafna u għalhekk il-ġejjieni jidher ferm sabiħ. Dawn l-istess tfal, se jkunu wkoll sfidanti ta’ din il-kategorija fis-snin li ġejjin. Issa naħsbu għar-Regatta tal-31 ta’ Marzu fejn hemmhekk irridu nikkonfermaw il-potenzjal tagħna.

Nagħlaq billi nappella lill-partitarji tagħna biex jibqgħu warajna u jsegwu l-programm ta’ ċelebrazzjoni li se nagħmlu wara li rbaħna x-Shield waħedna wara nuqqas ta’ 40 sena.

Ekonomija

Sport