Friday, June 13, 2025

‘Mingħajr determinazzjoni, xogħol u sagrifiċċju, m’hemmx suċċess’ – Chris Tabone

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn l-atletika?

Għal aktar minn 20 sena, il-karriera sportiva tiegħi kienet fil-futbol. Lgħabt ma’ diversi klabbs fosthom tal-Mosta, in-Naxxar, Ħad Dingli, Ħaż Żebbuġ u l-Imġarr. Bħalissa għandi passjoni ġdida fl-atletika, u ninsab verament kuntent u impenjat bit-taħriġ b’mod regolari f’dan l-isport. 

X’suċċessi maġġuri ksibt fil-karriera tiegħek sa issa?

L-aħħar Maratona mort tajjeb b’ħin ta’ 1:16,58. Ikklassifikajt fil-15-il post mal-atleti kollha li pparteċipaw u ġejt it-tielet post tal-atleti tampari. 5 snin ilu ħadt sehem ukoll fl-istess maratona u għamiltha f’1:30. Qed nisfida miegħi innifsi biex forsi xi darba nitla’ fuq il-podju u nħabbatha ma’ atleti magħrufa li qed jiksbu ħinijiet eċċellenti fil-kompetizzjonijiet. Għadni kif ġejt l-ewwel over 40 fil-Libertas Mosta 5KM u spiċċajt f’ħin ta’ 16:55. Ġrejt mal-klabb tiegħi BA Fitness Society.

Kif tqis il-livell tal-atletika f’pajjiżna fil-preżent?

Illum il-ġurnata, qed naraw ħafna atleti promettenti fil-ġiri, u saħansitra hawn min qed isiefer barra minn Malta biex jikkompeti u jtejjeb il-livell tiegħu. Madankollu xorta waħda hemm bżonn ta’ iktar għarfien speċjalment minn eta’ tenera fl-iskejjel biex nippromwovu aktar l-isports u t-taħriġ fiżiku.

U dak tar-riżorsi fejn titħarrġu u jkollkom il-kompetizzjonijiet tagħkom?

Fir-rigward tan-Nofs Maratona, qed isir investiment kontinwu f’Malta, u anke l-organizzaturi qed jagħtu aktar importanza biex l-avvenimenti jiġu organizzati b’aktar serjetà u professjonalità. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fl-atletika?

Minkejja li bdejt f’din id-dixxiplina ftit tard għax qed noqrob l-40 sena, xorta waħda nħoss li se nkompli naħdem fuqi nnifsi biex intejjeb il-ħinijiet tiegħi ħalli nsir aħjar u forsi xi darba naqta’ xewqa li qed tberren f’moħħi: nasal fuq il-podju.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fl-atletika.

Mingħajr determinazzjoni, xogħol u sagrifiċċju, m’hemmx suċċess. L-isport huwa mezz eċċellenti biex iżżomm ruħek ’il bogħod mill-vizzji u tiffoka fuq għanijiet pożittivi f’ħajtek.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport