Il-Prim Ministru Robert Abela f’intervista li kellu aktar kmieni dalgħodu ma’ One Radio beda biet jirringrazzja lill-poplu Malti u Għawdxi kollu talli għal darba oħra wera kemm kemm hu kapaċi jkun ġeneruż.
Huwa qal li dalgħodu bdejna t-triq għan-normalità u l-irkupru ekonomiku. Abela żied jgħid li f’mument ta’ riflessjoni b’rabta ma’ dawn l-aħħar għaxar xhur, dan il-gvern ħadem bla waqfien. Fakkar li wara xahrejn mill-ħatra tiegħu bħala Prim Ministru kellu jieħu deċiżjonijiet tant diffiċli bħalma kienet dik li jingħalaq l-ajruport ta’ Malta, deċiżjoni li kienet se tħalli impatt negattiv ħafna fuq l-ekonomija tal-pajjiż.
Il-PM qal li dan il-gvern sab bilanċ fejn filwaqt li ħares is-saħħa ta’ kull individwu bl-aħjar mod possibbli, għen finanzjarjament biex jiġu ssalvagwardjati l-impjiegi. Fakkar li din ma kellhiex tkun sprint, iżda maratona u b’hekk kellu jkun hemm pjan għaqli li jara li sa tmiem il-pandemija, pajjiżna jibqa’ jaqdef ‘il quddiem fid-direzzjoni ta’ rkupru ekonomiku. Dwar l-iskema tal-wage suppliments huwa qal li din kienet xi ħaġa importanti ħafna biex pajjiżna jkun jista’ jerġa’ jibda jdawwar ir-rota ekonomika ladarba nirkupraw mill-pandemija.
Abela żied jgħid li pajjiżna jinsab f’pole position biex jibda fit-triq ta’ rkupru ekonomiku. Qal ukoll li l-Milied f’pajjiżi oħra kien differenti u saħansitra kien hemm pajjiżi li fihom lanqas stajt tħalli darek mingħajr raġuni valida.
Abela tkellem dwar il-ġurnata tal-lum u filwaqt li qal li hija ġurnata storika, ma jfissirx li m’għandniex nibqgħu prudenti għax jekk jiġri hekk inkunu qed nipperikolaw dak kollu li ksibna. Filwaqt li esprima x-xewqa tiegħu li pajjiżna jkun l-ewwel li jirkupra mill-pandemija, Abela appella għall-prudenza. Semma wkoll li aktar kemm ikollna nies li jitlaqqmu aktar se jkollna ekonomija li se tirpilja malajr.
Abela qal li issa li wasalna s’hawn mhuwiex se jkun qiegħed iċedi l-ħbula, anzi bħala gvern se jkun qiegħed ikompli jagħti l-għajnuna li hemm bżonn lin-negozji biex kemm jista’ jkun ma jintilfux l-impjiegi. Huwa temm jgħid li hu se jibqa’ jagħti ħiltu kollha u li minkejja li l-ġimgħat u x-xhur li ġejjin se jkunu ibsin għal kulħadd, fiduċjuż li pajjiżna se jkun qiegħed jegħleb dawn l-isfidi bħalma għamel drabi oħra fil-passat.