Friday, September 12, 2025

‘Mingħajr sagrifiċċju, dedikazzjoni, mentalitá rebbieħa u paċenzja, diffiċli tasal fil-futbol Għawdxi u aktar u aktar f’dak Malti’ – Armando Antonio Xerri

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol? 

L-imħabba tiegħi lejn il-futbol bdiet meta bdejt nilgħab il-futbol fl-iSkola Primarja taż-Zebbug, Għawdex fi grawnd tas-‘cement’ u trab, fil-kinder 1 sa year 2, fejn hemm tgħallimt kif nilgħab il-logħba tal-futbol, li rari kont rajt fuq it-televixin peressli l-ġenituri tiegħi ma tantx kienu dilettanti. Ftit żmien wara bdejt nilgħab man-Nursery tal-Qala St Joseph tal-etá tenera ta’ erba’ snin u bqajt sal-Under 18 u mbaghad tlajt mat-tim tal-kbar fit-Tieni Divizjoni tal-Kampjonat Għawdxi. Kelli wkoll l-okkażjoni, meta kelli 18-il sena, li nilghab għal sitt xhur il-Kanada mat-tim tal-kbar fir-raba’ diviżjoni fejn kont skurjajt żewg gowls mal-Melita FC.

Ta’ 18-il sena, ukoll, bdejt insegwi u nissapportja t-tim tal-futbol tal-Manchester United wara li sifirt u rajt logħba maz-ziju Joseph Xerri, eks plejer ta’ Qala Saints FC. Ta’ 14-il sena għażluni mat-tim tal-kbar fejn lgħabt u bdejt kemm-il darba fit-Tieni Diviżjoni. Ta’ 18-il sena, għamilt sentejn nilgħab fil-futbol Malti, sena minnhom mal-Minors tal-Imsida SJ FC u s-sena l-oħra mal-Kalkara United FC. Wara rritornajt lura mat-tim tal-kbar tal-Qala Saints FC, fejn sibthom fit-tieni sena tagħhom fl-Ewwel Diviżjoni, u fejn kienu ġew fit-tieni post fil-klassifika. 

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek ma’ Qala Saints FC. 

Bħalissa, minkejja li jien nitqies bħala reserve, u għalhekk ma nilgħabx f’kull logħba, xorta nistinka u nagħti kollox ghat-tim ta’ raħal twelidi. Għalija huwa ta’ unur u privileġġ kbir li nittrenja u nilgħab ma’ dan il-klabb li meta wieħed jiftakar fiż-żminijiet ferm diffiċli li għadda minnhom fl-istorja tiegħu, dan ir-rebħ u l-unuri kollha li qed nirbħu f’dawn l-aħħar sentejn jiġu apprezzatti mmens, speċjalment mill-plejers li esperjenzaw dawn iż-żminijiet diffiċli flimkien, mill-kumitat u l-partitarji tal-Qala li jkunu dejjem wara t-tim. Ma’ kull midalja u Tazza li nirbħu flimkien niftakar f’dik it-tbatija li ġarrab il-klabb u hekk aktar napprezza dak li akkwistajna bħala klabb u għalhekk niċċelebraw aktar bil-qalb.

X’tikkummenta fuq ir-rebh tal-Kampjonat matul l-istaġun li għadda?

Ir-rebħ ma kienx faċli. Kellna l-kowċ Shaun Bajada u l-Assistant Coaches Luke Attard u Benneth Njoku jimbuttawna bla heda biex dejjem nagħtu dik il-ftit aktar milli nistgħu fit-taħriġ u fil-grawnd waqt il-logħob. U b’hekk ħadna l-frott ta’ dan is-sagrifiċċju u d-dedikazzjoni tal-plejers. Kellna diversi injuries fit-tim, peró dawn il-fatturi ma waqqfuniex milli nirbħu mhux biss il-Kampjonat, imma anke Tazzi oħrajn bħall-GFA Cup, First Division Knock-Out u s-Super Cup li huma ferm importanti għall-klabb tagħna. Li rbahna l-Kampjonat, huwa l-aktar unur prestiġjuż u għażiż għall-klabb, għaliex qatt ma konna rbaħnieh fl-istorja tal-Klabb ta’ Qala Saints. Jien kont noħlomha minn meta kont żghir u fl-aħħar saret realtá. It-tim dejjem sab lill-kumitat kollu warajh speċjalment lil Noel Mizzi u lil Colin Jones illi kienu x-xewka tad-dahar tat-tim. Niftakar l-ammont kbir ta’ partitarji li ġew fil-grawnd f’dak l-istagun fejn qatt ma kont rajt bħalhom kemm ilni nilgħab mal-klabb, u ta’ dan nirringrazzjahom minn qalbi! 

Kif qed tħarsu lejn l-istaġun li ġej? 

Bdejna l-istaġun fuq nota pożittiva għaliex ksibna riżultati tajbin fil-logħob ta’ ħbiberija li kellna, minkejja li tlifna kontra Birkirkara FC bl-iskor ta’ 2-1 meta huma lagħbu bit-tim sħiħ tagħhom, tim li qiegħed fl-ogħla diviżjoni ta’ Malta. Dan kien riżultat sodisfaċenti għalina, taħt it-tmexxija tal-kowċ ġdid Gotthard Conti u l-assistenti tiegħu Benneth Njoku u Luke Attard, b’diversi plejers ġodda li għadhom isibu posthom u jaddattaw mal-kumplament tat-tim. Ukoll lgħabna u rbaħna kontra Għajnsielem, Victoria Hotspurs, Kirkop United u Sannat Lions. Kif jidher se jkun staġun pożittiv imma nemmen li se jkun iktar diffiċli minn ta’ qablu. Ħafna timijiet akkwistaw plejers godda u saħħew it-timijiet rispettivi tagħhom, imma aħna żgur li se nagħtu qalbna fil-grawnd, b’determinazzjoni u passjoni għat-tim tagħna u mbagħad naraw minn hemm.

Bdejtu l-istaġun bil-kbir bir-rebħ tas-Super Cup. X’tikkummenta?

Ir-rebħ tas-Super Cup ġiet b’sagrifiċċji kbar speċjalment mill-plejers li lagħbu aktar minn 120 minuta fil-grawnd bla waqfien. Ir-riżultat tat-taħriġ intwera fil-grawnd għaliex it-tim kollu baqa’ għaddej sal-aħħar minuta jiġġieled għar-riżultat. Nemmen li n-Nadur ħarġu b’saħħithom u tawna logħba u ħolqu diversi azzjonijiet tajbin. Minkejja li ġabuna draw ma qtajniex qalbna. Kif deher l-attakkant il-ġdid tagħna Andre Martins wera li sab postu fil-logħba għaliex skorja żewġ gowls, inkluż il-gowl tar-rebħa. Il-wingers Gabriel Cardona plejer żagħżugħ u eks plejer ta’ SK Victoria Wanderers FC u Gilberto Carrara plejer ġdid fit-tim, ħadmu ħafna mal-linji.

Fin-nofs kellna plejer barrani, Lucas Barreto, u żewg plejers żgħar b’ħafna esperjenza u entużjajżmu mir-raħal, Martin u Joseph Buttigieg, li kellhom logħba eċċezzjonali għaliex il-plejers ta’ nofs il-grawnd huma magħrufa li jiġru l-aktar. Martin Buttigieg irritorna minn ma’ Victoria Hotspurs FC wara staġun tajjeb fejn rebaħ in-National Amateur League 2 f’Malta. U anke fuq wara kellhom ħafna azzjonijiet x’jiddefendu speċjalment minn mal-linji. F’ċerti mumenti, inħass il-plejer żgħir u prospettiv Nathan Njoku, li normalment jilgħab fuq wara, peró xorta waħda ġie r-riżultat. Minkejja l-pressing qawwi tan-Nadur, xorta d-difensuri baqgħu kalmi sal-aħħar minuta.

Ħajr kbir imur lill-goalkeeper Owen Attard tad-diversi saves kbar u krucjali li għamel mhux f’din il-logħba biss imma fl-aħħar tliet staġuni ma’ dan il-klabb fejn kull sena qed jitieb. Kellna tliet plejers oħra mweġġgħin, lil Joseph Zammit, u lil Mattheo Camilleri li huma plejers importanti u ġodda għall-klabb u lil Nicholas Inguanez li kien weġġa’ fl-istaġun ta’ qabel fejn kien dejjem fl-istarting 11 fuq wara mad-difiża. U l-bqija kien hemm jien Armando Antonio Xerri, Kurt Mifsud, Franco Buttigieg (it-tieni goalkeeper) u Gustavo Lemos (plejer ġdid) fuq il-bankina.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Gotthard Conti? 

Il-kowċ Gotthard Conti huwa kowċ differenti minn ta’ qablu, jaħdem b’sistemi u stili differenti tal-futbol, juża ħafna kliem tekniku u jgħallimna ma’ kull żball li nagħmlu waqt it-taħriġ u jwaqqaf il-logħba biex jispjegalna b’paċenzja u entużjażmu. Innutajt li dan il-kowc ma jħobbx jżomm l-isess ‘starting 11’ imma jħobb ibiddel xi tliet jew erba’ plejers għal kull logħba. Għandu esperjenza kbira bħala kowċ u dan jintwera biċ-ċar kemm fit-taħriġ u anke fil-logħob ta’ ħbiberija li ntlagħbu. Huwa kowċ Malti mill-Mellieħa u għalhekk ikollu jivjaġġa kuljum biex jaqsam il-fliegu. Ma nistax ngħid iktar minn hekk għaliex ilni nafu biss ftit ġimgħat imma l-passat u s-suċċessi li kiseb mat-timijiet li kien magħhom jitkellmu waħedhom.

Iddeskrivi l-esperjenzi passati tiegħek fil-futbol mal-Melita FC fil-Kanada, u Kalkara United FC u Msida St Joseph FC f’pajjiżna, u kemm tgħallimt minnhom. 

Kelli, bħalma semmejt qabel, esperjenza ta’ sitt xhur nilgħab ma’ tim bi plejers ta’ dixxendenti Maltin fir-Raba’ Diviżjoni tal-Kanada fejn skurjajt żewġ gowls u għamilt diversi kontribuzzjonijiet. Il-livell ta’ grawnd kien livell ogħla minn dak li naraw ġewwa Għawdex, u kien hemm taħlita ta’ plejers minn kull rokna tad-dinja fih, pereżempju, mill-Messiku, Kolombja, Amerika, Niġerja, Filippini, Tajwan u oħrajn. Dak iż-żmien kien fis-sajf tal-2020 u kelli 18 il-sena fejn kelli l-pożizzjoni tiegħi mal-linja x-xellugija. 

Minħabba li kien hawn il-pandemija tal-Covid-19, kellna nieħdu l-vaċċin ta’ bilfors kull min jilghab f’xi tim Għawdxi, u jien irrifjutajt li nagħmel dan. Is-sitwazzjoni f’Malta kienet differenti. Stajt nilgħab billi nagħmel swab test kull ġimgħa. Għalhekk iddecidejt li mmur nilghab Malta fl-etá ta’ 18-il sena, fejn għażilt li nilgħab mal-Minors tal-Imsida St Joseph FC fejn lgħabt regolarment mal-ewwel tim f’Section C u tħarriġna ħafna mat-tim tal-kbar ukoll. Konna tim minn tal-aħħar niġġieldu biex ma naqgħux. Hemm skurjajt kontra Ta’ Xbiex fejn kont lgħabt ponta l-ftit drabi li lgħabt f’dik il-pożizzjoni, peressli konna nbidlu l-pożizzjonijiet frekwenti minħabba d-diversi injuries li kien ikollna fit-tim, taħt it-tmexxija tal-kowċ, Keith Buttigieg. 

Is-sena ta’ wara mort nilgħab mal-Kalkara United FC fejn kienu għadhom kif telgħu minn Section D għal Section C ta’ 19 il-sena fejn lgħabt regolarment mal-ewwel tim. Kont skurjajt f’logħba ta’ ħbiberija kontra Zabbar F.C. li kienu Section A dak iż-żmien u skurjajt żewġ goals oħra fil-kampjonat kontra Rabat Ajax FC. Għamilna żmien l-ewwel u t-tieni post imbagħad spiċċajna s-sitt post wara li saru xi trasferimenti ta’ xi plejers, taħt it-tmexxija tal-kowċ u eks plejer nazzjonali, Mario Gouder. 

Kienet esperjenza pożittiva. Qatt ma xtaqt nitlaq minn mat-tim ta’ raħal twelidi, peró ġejt sfurzat nagħmel dan. Imma ma jiddispjaċinix għaliex akkwistajt esperjenzi ġodda u memorji sbieħ ma’ timijiet differenti madwar Malta u anke barra minn Malta fejn tgħallimt ħafna u ggwadanjajt minnhom. 

Kif tqis il-livell tal-futbol Għawdxi fil-preżent? 

Il-livell tal-fubol Għawdxi qed jiżdied kontinwament, minhabba l-plejers barranin li qed jġibu. Min-naħa l-oħra din ħolqot żvantaġġ għal plejers żgħar lokali li kontinwament qed jonqsu iktar ma jghaddi ż-żmien. Dan għaliex inqas għandhom ċans jilagħbu minħabba l-ammont ta’ plejers barranin li jistgħu jkunu fl-‘istarting 11’. Nemmen li għandu jkun hawn iktar pożizzjonijiet miftuħa għall-plejers lokali, u min-naħa l-oħra dawn il-plejers baranin jgħallmuna kif nilagħbu l-logħba minn aspetti u b’modi differenti wkoll. 

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom? 

Aħna l-Qalin, m’għandniex għaliex ingergru, għax bis-saħħa tal-Ministru għal Għawdex, Clint Camilleri, għandna grawnd tal-futbol bit-turf sintetiku tal-ogħla livell f’Għawdex.

Riżorsi f’Għawdex hawn, imma sfortunatament ma jiġux mantenuti kif suppost u ma jinżammux ta’ livell kif suppost. Nieħu eżempju il-Gozo Stadium fix-Xewkija fejn l-area tal-warming-up huwa fi stat diżastruż. Dan joħloq riskju kbir għall-plejers biex jipprattikaw fuqu. Dan huwa turf artificċjali li spiċċa biż-żmien u ma nbidilx u llum jinsab kollu ħofor fejn jidher is-‘cement’ ta’ taħtu. Nkompli fuq il-grawnd tal-ħaxix li ma jinżammx aħdar is-sena kollha, anzi rari jkun aħdar kollu kif suppost. Nifhem illi l-klima tagħna niexfa u dan ma jgħinx imma nemmen li jrid jinżamm standard u l-flus hemm jridu jintefqu biex innaqsu ċ-ċansijiet li jweġġgħu l-plejers u jintlagħab futbol ta’ kwalita fih.

Il-warming-up nemmen li għandu jsir fuq it-turf tal-ħaxix naturali u mhux dak artifiċjali, bħal kull pajjiż fid-dinja għaliex hemm differenza sinjifikanti u taffetwa l-prestazzjoni tal-plejers fil-grawnd. Peró, għal raġunijiet li ma jagħmlux sens, aħna l-Għawdxin ma nitħallewx nittrenjaw fuq il-grawnd tat-turf, sakemm ma jiġux jilagħbu timijiet Maltin fih. 

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol? 

Nemmen li għandi nimxi pass pass, ma nafx il-futur, imma nista’ ngħid b’ċertezza kbira li kemm indum niflaħ se nkompli nilgħab il-futbol mal-Qala Saints minkejja li jkolli nivjaġġa kuljum minn Malta wara x-xogħol b’sagrifiċcju kbir għalija. Imma nixtieq nkompli ngħin il-klabb kif nista’ biex jkomplu jirbħu l-unuri u nissodisfaw lill-partitarji tagħna li jiġu jarawna regolarment, u b’entuzjazmu kbir ukoll. 

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol. 

Mingħajr sagrificċju, dedikazzjoni, mentalitá rebbieħa u paċenzja, diffiċli tasal fil-futbol Għawdxi u aktar u aktar f’dak Malti. Nixtieq nirringrazzja lil nies oħra li kienu ħadmu ħafna fil-passat, li kienu fundamentali u bnew il-pedamenti tal-klabb fil-bidu net. Ħajr lil Frank Mumford (eks segretarju), Albert Mizzi (kien membru, segretarju, president u manager tal-grawnd fil-Kumitat tal-Klabb tal-futbol), lin-nannu tieghi Joe Xerri (eks kowċ u jiffinanzja lill-Klabb għal numru ta’ snin, magħruf bħala taċ-‘Ċapput’, u lil missieri Dr Raymond C Xerri (kien president tal-Klabb fl-1995), viċi-president, segretarju tal-Klabb, editur tal-Qala St Joseph F.C. u waqqaf l-ewwel Qala St Joseph F.C. Nursery fil-Qala fi żmien diffiċli li ħadd ma ried dik il-kariga.

Dawn in-nies ħadmu bla heda għal dan il-klabb u żammewh għaddej għal tul ta’ żmien. Irrid insemmi lill-kowċis kollha tan-nursery u minn hawn nirringrazzjahom talli rawmu lilna u l-futur tal-klabb. Jien kelli lil Jason Bonello, Sammy Curmi, Jesmond Cefai, Josef Abela, Francesco Mumford, Benneth Njoku (eks plejer ta’ Naxxar Lions FC), Christian Bartolo u lil Joe u Daniel Portelli. Kieku mhux għax-xogħol u l-kontribut ta’ dawn in-nies kollha għal dan il-klabb ma kinitx titwettaq il-ħolma tiegħi u ta’ ħafna Qalin u minn hawn nirringrazzjahom minn qalbi!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport