Saturday, December 14, 2024

“Minħabba l-istigma u l-mistħija, ma nfittxux l-għajnuna … tibżgħux irġiel … infittxu l-għajnuna!”

- id-Deputat Laburista Omar Farrugia

Aqra wkoll

“Minħabba l-istigma u l-mistħija, ma nfittxux l-għajnuna,” qal id-Deputat Laburista Omar Farrugia f’kitba li qasam fuq il-midja soċjali bit-tama li aktar irġiel ifittxu l-għajnuna b’mod partikolari rigward is-saħħa mentali.

L-Onor. Farrugia qal li f’mumenti dwejjaq u niket bħal tal-lum għaliex tkun tlift ħabib mimli enerġija, saħħa, b’karattru ferrieħi u fl-aqwa żmien taż-żgħożija tiegħu, iġġegħlek tirrifletti ftit u toħroġ tagħlima b’saħħitha dwar kemm huwa importanti l-għarfien li titqajjem iżjed kuxjenza għall-għajnuna f’mumenti ibsin u diffiċli fil-ħajja li l-bniedem ikun għaddej minnhom.

“Nagħmel referenza b’mod speċjali għalina l-IRĠIEL. Ir-realtà hi li minħabba l-istigma u l-mistħija, ma nfittxux l-għajnuna għaliex naħsbu li niġu ttimbrati u jħarsu lejna bħala dgħajfin, u naħsbu li dak l-element ta’ kburija u dominanza, nitilfuh. M’għandux ikun il-każ! kompla jgħid Farrugia.

Sostna li nkunu rġiel ifisser li jekk jinħass il-bżonn għandna naġixxu u nfittxu l-għajnuna: “Kultant is-solitudni, ir-rabja u l-frustrazzjonijiet, inkunu rridu niżvugawhom magħna nfusna biss u l-ebda parir ta’ dawk għeżież għalina ma jiġi meqjus. Deċiżjonijiet li jittieħdu f’mumenti tqal u fi ftit sekondi. Il-vojt li jitħalla wara jkun kbir wisq“.

Farrugia temm il-messaġġ tiegħu billi ħeġġeġ lill-irġiel biex jegħlbu l-biża’ u jirrikorru għall-għajnuna” “tibżgħux irġiel … infittxu l-għajnuna!”

Ekonomija

Sport