Wednesday, December 25, 2024

Ministri barranin jawguraw lill-Ministru Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork Mevlüt Çavuşoğlu, il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Grieg Nikos Dendias u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan Sameh Shoukry kollha faħħru lill-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ Malta Evarist Bartolo għall-isforzi kontinwi tiegħu biex jiżgura stabbiltà u paċi dejjiema fil-Libja, fir-reġjun tal-Mediterran, fl-Afrika u fid-dinja b’il-Ministru Grieg Dendias jgħid li anke pajjiżi ferm akbar m’għandhomx Ministri tal-kalibru ta’ Evarist Bartolo.

Il-Ministri tal-Affarijiet Barranin kienu qed jirreaġixxu għal nota mibgħuta mill-Ministru Bartolo li tinformahom li se jsiru l-elezzjonijiet f’Malta fis-26 ta’ Marzu. Il-Ministru Bartolo rringrazzjahom talli ħadmu id f’id miegħu għall-ġid tal-poplu rispettiv tagħhom, il-Mediterran, l-Ewropa, l-Afrika u d-dinja.

“F’dawn iż-żminijiet diffiċli fejn il-gwerra fl-Ukrajna qed tkisser l-ordni dinjija tagħna jeħtieġ li naħdmu aktar għall-paċi, l-istabbiltà u l-kooperazzjoni. Irridu naħdmu ħafna biex nibnu mill-ġdid sistema ta’ sigurtà fejn is-sigurtà ta’ kulħadd tkun garantita flimkien mas-sovranità, l-indipendenza nazzjonali u l-ugwaljanza tan-nazzjonijiet. Ma nafx jekk il-poplu hux se jeleġġini fil-parlament kif għamel għal dawn l-aħħar 30 sena,” irrimarka l-Ministru Bartolo.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tork Mevlüt Çavuşoğlu wieġeb li Malta għandha tkun kburija li għandha lil Evarist Bartolo bħala l-Ministru għall-Affarijiet Barranin tagħha.‘Malta hija xxurtjata li għandha Ministru tal-Affarijiet Barranin bħalek. Int dejjem semmajt il-vuċi ta’ pajjiżek b’mod qawwi fuq kwistjonijiet importanti,’ qal il-Ministru Çavuşoğlu lill-Ministru Bartolo.

Il-Ministru Grieg għall-Affarijiet Barranin Nikos Dendias qal lill-Ministru Bartolo li jinsab ċert li l-elettorat Malti se jivvota biex jeleġġih.

“Anke f’pajjiżi ferm akbar m’hemmx Ministri tal-kalibru tiegħek,” qal il-Ministru Dendias lill-Ministru Bartolo fejn wegħdu li se jkomplu jaħdmu flimkien fix-xhur li ġejjin.

Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin Eġizzjan Sameh Shoukry esprima l-apprezzament tiegħu għar-rwol internazzjonali tal-Ministru Bartolo f’dawn iż-żminijiet ta’ sfida.

“Nistgħu biss nippruvaw iktar biex nimxu ‘l quddiem fuq il-bażi ta’ prinċipji msejsa sew fil-kulturi u t-twemmin tagħna. Nawgura lilkom u lil Malta prosperità u paċi u sigurtà u proċess elettorali ta’ suċċess. Nawguralkom l-isbaħ xewqat u x-xorti tajba.” qal il-Ministru Sameh lill-Ministru Bartolo.

Ekonomija

Sport