Sunday, February 2, 2025

Ministru f’NSW tiskuża ruħha wara li talbet lix-xufier iwassal lilha u lil sħabha għal ikla privata

Aqra wkoll

Il-Ministru tat-Trasport ta’ New South Wales, Jo Haylen, skużat ruħha wara li talbet lix-xufier tagħha biex iwassal lilha u lil sħabha għal ikla privata ta’ tliet sigħat fi tmiem il-ġimgħa li fih kien qed jiġi ċċelebrat Jum l-Awstralja, u dan bi spiża li laħħqet is-$750. 

“Għamilt deċiżjoni ħażina,” qalet Haylen filwaqt li talbet skużat u kkonfermat li kienet se tħallas lura l-flus għall-vjaġġ ta’ 446 kilometru li dam għaddej 13-il siegħa. Meta kienet mistoqsija mill-ġurnalisti għalfejn ma qabditx taxi, hija wieġbet li kien imissa għamlet dan. 

Minn dak li nkiteb fuq il-logbook, jirriżulta li fil-25 ta’ Jannar, dan il-vjaġġ beda fit-8.00 a.m. u ntemm fid-8.50 p.m. u kien irreġistrat bħala “vjaġġ ta’ negozju matul il-ġurnata tax-xogħol”. 

Il-karozza ministerjali allegatament saqet minn Sydney biex tiġbor lil Haylen mid-dar tagħha f’Caves Beach. Hi u ħamsa oħra – inkluż il-Ministru Rose Jackson – imbagħad baqgħu sejrin lejn ir-ristorant li jinsab fi Brokenwood Wines f’Pokolbin. Aktar tard, ix-xufier reġa’ mar għalihom u ħadhom lura lejn Caves Beach.

Intant, skont ir-regolamenti f’New South Wales, il-karozzi ministerjali jistgħu jintużaw għal skopijiet privati. Min-naħa l-oħra, Haylen warrbet talbiet li sarulha, fosthom mill-oppożizzjoni, biex tirriżenja mill-kariga. 

“Naħseb li n-nies kultant jifhmu meta persuna tiżbalja. Għamilt żball u għalhekk qed nitlob skuża u nħallas lura tan-nefqa li saret. Ħadd mhu perfett,” hija qalet.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport