Saturday, November 23, 2024

Ministru Taljan jiffaċċja vot ta’ sfiduċja dwar skandlu li jinvolvi priġunieri mafjużi

Aqra wkoll

Il-Ministru Taljan għall-Ġustizzja Alfonso Bonafede se jkun qed jiffaċċja vot ta’ sfiduċja quddiem is-Senat wara li kritiċi tiegħu akkużawh li għall-ebda ħtieġa ta’ xejn ħeles lil priġunieri mafjużi waqt il-lockdown kaġun tal-pandemija tal-coronavirus fl-Italja.

Id-deċiżjoni ta’ Bonafede fil-bidu ta’ Mejju biex priġunieri mafjużi anzjani jew morda, jinżammu arrestati f’darhom qanqlet rabja kbira li wasslet biex ikollu jreġġa’ lura d-deċiżjoni li kien ħa. Uħud mill-aktar kriminali magħrufin diġà rritornaw lura l-ħabs.

Huwa kien qal li d-deċiżjoni li jżomm arrestati fi djarhom lil dawk il-priġunieri l-aktar vulnerabbli tieħdet biex inaqqas l-iffullar fil-ħabsijiet wara l-irvellijiet li kienu nqalgħu f’Marzu li għadda wara biża’ li kienu se jimirdu mill-virus tal-Covid-19.

Minkejja l-vot ta’ sfiduċja, il-gvern ta’ koalizzjoni tal-Partit Demokratiku (PD) u l-Movimento Cinque Stelle (M5S) għandu biżżejjed voti biex isalva lill-Ministru tiegħu.

Madankollu jidher li biex jintlaħaq dan il-għan il-Gvern se jkollu jittama fuq il-voti tal-membru minuri tal-koalizzjoni Italia viva (IV). S’issa, il-partit immexxi mill-eks-Prim Ministri Matteo Renzi ma qalx jekk is-17-il senatur tiegħu humiex se jappoġġjaw lill-Gvern jew le fil-vot tal-lum.

Min-naħa tiegħu l-Prim ministru Giuseppe Conte wissa lil Renzi li t-tneħħija ta’ Bonafede minn Ministru se jkun qed jitfa’ lill-Gvern Taljan fi kriżi.

Elezzjoni bikrija ma tgħinx lill-partit ta’ Renzi, li jidher li jsta’ jikseb 3% biss tal-voti mitfugħin.

Sport