Saturday, December 21, 2024

Minjatura ta’ knisja esebita f’kappella storika f’Ħad-Dingli

Aqra wkoll

Il-Grupp tal-Abbatini tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli qed jorganizza l-wirja annwali tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Il-wirja qed issir fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdum ta’ Ħad-Dingli.  

Din is-sena, dan il-grupp ta l-opportunita’ lis-Sur Joe V Scerri jesebixxi minjatura ta’ knisja li hi proprjeta’ tiegħu.  Din l-opra ta’ arti kompluta b’sett vari tal-Ġimgħa l-Kbira hi xogħol is-Sur Paul Muscat minn Ħal Qormi.  Din hi l-ewwel darba li din il-minjatura ta’ knisja qed tiġi esebita għall-pubbliku.

Din il-minjatura ta’ knisja tieħu prattikament l-ispazju kollu fil-kappella, b’dik attwali nbniet fl-1646.  Il-kappella tinsab f’post mill-aktar pittoresk, b’veduti mill-isbaħ tal-irdumijiet ta’ Ħad-Dingli.  Fuq wara tal-minjatura tal-knisja esebita, jispikka t-titular tal-kappella li juri l-laqgħa ta’ Kristu Rxoxt ma’ Marija Maddalena, xogħol l-artist Għawdxi, il-Kavallier Pawlu Camilleri Cauchi.  

Il-wirja bit-tema “Għax Alla hekk ħabb lid-dinja . . .” se tkun miftuħa mis-Sibt 23 sal-Erbgħa 27 ta’ Marzu bejn id-09:30 u l-17:00.

Il-Ħamis 28 ta’ Marzu, Ħamis ix-Xirka, tkun miftuħa mid-09:30 sa 15:00 u minn 20:00 sa 24:00.  Fil-ħinijiet ta’ filgħaxija se jkun hemm mixgħela bil-fjakkli ħdejn il-kappella. 

Il-Ġimgħa 29 ta’ Marzu, il-Ġimgħa l-Kbira, il-wirja tkun miftuħa mid-09:30 sa 12:00. 

Il-pubbliku hu mistieden iżur din il-wirja fejn se jintlaqa’ minn membri tal-grupp tal-Abbatini tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli u l-ġenituri tagħhom li jkunu disposti jispjegaw u jagħtu l-informazzjoni kollha dwar dak esebit. 

Ekonomija

Sport