Tuesday, November 19, 2024

ARA: “Minkejja ċ-ċokon tagħna, għandna s-sejħa li fil-familja tal-umanità nkunu preżenza ta’ ħarsien u ta’ ħlewwa”

L-Arċisqof Charles Jude Scicluna jwassal il-messaġġ tal-Milied mill-Knisja tal-Griegi

Aqra wkoll

Kif inhi t-tradizzjoni, l-Arċisqof ta’ Malta Charles Jude Scicluna jwassal messaġġ lil poplu fejn għal din is-sena dan il-messaġġ ixxandar mill-knisja tal-Griegi li tinsab fi Triq l‑Arċisqof il‑Belt Valletta.

L-Arċisqof qal li f’din il-knisja li hija fdata lill-komunità tal-Griegi Kattoliċi Maltin hemm Ikona prezzjuża li ilha f’pajjiżna kwazi 500 sena. Din kienu ġabuha magħhom il-Kavallieri u ġiet mill-gżira Griega ta’ Rodi.

Din l‑ikona magħrufa bħala Sidtna Marija ta’ Damasku jew ‘id‑Damaxxena’ li nkitbet madwar 900 sena ilu. L-Arċisqof wera x-xewqa li kull min ikun għaddej il-Belt u jsib il-knisja miftuħa jidħol u jinvista lil din ix-xbieha tal-Madonna.

YouTube video

“Jiena taffaxxinani ħafna din l‑ikona ta’ Sidtna Marija Damaxxena, it‑tgħanniqa tal‑Bambin ma’ ommu Marija, kważi mhux biss iħaddanha imma propju jrid li ma taħrablux ommu u hi t‑tħaddina tal‑għożża, tat‑tenerezza,” qal l-Arċisqof.

Mons. Charles Jude Scicluna awgura lil l-esperjenza sabiħa biex kulħadd “jersaq lejn il-Mulej li jiġbidna lejh bi rbit ta’ mħabba u ta’ ħniena: Bi mħabba kbira ħennejt għalik”.

Fil-messaġġ tiegħu fakkar ukoll ċentinarju importanti li se nfakkru fis-27 ta’ Diċembru fejn fl-1922 propju 100 sena ilu ndaqq għall-ewwel darba l-Innu Malti fit-Teatru Manoel.

“Nixtieq nitlob fuq Malta tagħna li l‑Mulej ikompli jħares lejna b’ħarsa ta’ ħniena, li niftakru fil‑ħlewwa ta’ Malta. Wara kollox dawn il‑kelmiet ‘ħarsien’ u ‘ħlewwa’ jfakkru fl‑etimoloġija, fit‑tifsira tal‑kelma ‘Malta’. Malta li ġejja mill‑għasel u l‑ħlewwa tal‑għasel, kemm hu tajjeb li jkollna l‑istess ħlewwa għal xulxin anke meta ma naqblux bejnietna. Niftakru li ommna li tatna isimha, hi art ta’ ħlewwa, art ħelwa,” kompla jgħid l-Arċisqof.

Ekonomija

Sport