“Ir-rapport ta’ din is-sena dwar Salarji u Benefiċċji qed ikun ippubblikat fi żmien partikolari ħafna għaliex filwaqt li qed naraw inflazzjoni għolja u hemm ċans ta’ riċessjoni, ir-rata tal-qgħad mhux biss baqgħet baxxa iżda ħafna kumpaniji baqgħu jimpjegaw nies, u kultant b’pagi għolja. Mill-perspettiva ta’ impjiegi u riżorsi umani, is-suq qatt ma kien daqshekk volatili,” tgħid JOANNE BONDIN, Direttur ta’ MISCO li ħadet ħsieb il-ġabra ta’ dan l-istħarriġ.
Il-MISCO Salaries & Benefits Report sar pubblikazzjoni annwali mistennija fis-settur tan-negozju. Għalfejn?
Il-fatt li r-rapport tagħna huwa ppubblikat kull sena, jagħtih element importanti ta’ konsistenza u għalhekk huwa meqjus minn min iħaddem bħala r-rapport ta’ referenza dwar ir-riċerka dwar il-kumpens tal-impjegati f’Malta. Dan l-istħarriġ, riżultat ta’ erba’ xhur riċerka, jagħtina stampa ċara, realistika u aġġornata tal-pakketti ta’ remunerazzjoni mħallsa fis-suq lokali u għalhekk huwa għodda ideali għall-kumpaniji biex jiżguraw li dak li qed iħallsu, jaqbel mal-pożizzjoni tagħhom fis-suq u ma’ dak li qed joffri s-suq in ġenerali biex jattira, iżomm u jimmotiva l-impjegati.
X’iwassal biex dan l-istħarriġ qed ikun wieħed imfittex?
Minbarra li jipprovdi informazzjoni dwar salarji u benefiċċji, dan ir-rapport jinkludi wkoll analiżi tal-iżviluppi riċenti fl-ekonomija ta’ Malta. Madankollu, l-istħarriġ huwa mfittex ukoll għaliex jinkludi wkoll ir-riżultati ta’ stħarriġ annwali dwar l-iżviluppi fil-qasam tar-Riżorsi Umani f’Malta. Dan l-istħarriġ, li issa jinsab fid-disa’ edizzjoni tiegħu, janalizza l-iżvilupp tal-funzjoni tal-HR f’Malta u l-kwistjonijiet ewlenin li qed jiffaċċjaw il-kumpaniji f’dan il-qasam. Dan l-istħarriġ sar ukoll b’kollaborazzjoni mal-Malta Employers Association biex b’hekk stajna niftħu aktar dan l-istħarriġ u nwasslu riżultati aktar realistiċi u sodi marbuta ma’ l-impjiegi kif ukoll dwar l-iżviluppi u l-isfidi li qed jiffaċċjaw dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tar-riżorsi umani f’Malta.
Kemm huwa esteniv dan ir-rapport?
Dan ir-rapport jitratta 131 pożizzjoni differenti jkopri ħafna kategoriji fosthom karigi maniġerjali, eżekuttivi, impjiegi klerikali u rwoli aktar tekniċi. L-edizzjoni ta’ din is-sena tinkludi erba’ pożizzjonijiet ġodda u interpretazzjoni mill-ġdid ta’ ċerti rwoli b’mod li jirriflettu d-dinamika u l-bidliet li għaddej minnhom is-suq Malti ta’ l-impjiegi.
X’laqtek l-iżjed f’dan l-istħarriġ?
Aspett li laqatni ħafna kien li filwaqt li wieħed jistenna li l-kumpaniji jnaqqsu l-ispejjeż u r-reklutaġġ minħabba l-volatilità tas-suq, kull settur għadu qed jesperjenza n-nuqqas ta’ talent disponibbli. Dan in-nuqqas wassal biex l-organizzazzjonijiet iżidu l-pakketti tas-salarji, joffru aktar benefiċċji, u qed jagħmlu minn kollox biex joffru flessibilità – u dan kollu qed ikompli jwassal għal iżjed inflazzjoni. Aspett ieħor interessanti li nnutajna kien iż-żieda fil-mobilità tax-xogħol li tat lill-kumpaniji l-opportunità li jirristrutturaw l-organizzazzjonijiet tagħhom, billi taw lill-impjegati ġodda jew dawk promossi, rwol imfassal mill-ġdid b’pakkett aktar baxx minn dak mogħti lil min qabel, kellu l-istess rwol.
Semmejt l-aspett ta’ ‘job hoarding’….
Għalkemm qed naraw żieda fl-inflazzjoni u jidher li hemm iċ-ċans ta’ inflazzjoni, ir-rata tal-qgħad f’Malta baqgħet baxxa u kumpaniji baqgħu jimpjegaw nies, xi kultant b’pagi għoljin. Fil-fatt, f’ħafna mil-laqgħat li kellna ma’ min iħaddem, rajna ħafna dan l-element ta’ job hoarding jiġifieri li ħafna minn dawk li jħaddmu, jippreferu jżommu lin-nies tagħhom, ukoll jekk dawn m’hemmx bżonnhom jew m’għandhomx il-ħiliet li hemm bżonn li jkollhom illum. Jippreferu li jagħmlu hekk milli jispiċċaw ma jkollhomx b’xiex jaħdmu. Daqshekk sar diffiċli ssib min jaħdem!
X’inhuma r-riżultati ewlenin li joħorġu minn dan is-Salaries & Benefits Report?
F’dawn l-aħħar 12-il xahar, iż-żieda medja fil-pakketti ta’ remunerazzjoni kienet ta’ 4.2%. Għalkemm kien hemm żieda fis-salarji fl-oqsma kollha, osservajna b’mod partikolari ż-żidiet f’dawk is-setturi li saru iżjed regolati, fosthom rwoli li għalihom sar iżjed diffiċli ssib nies kwalifikati. Fil-fatt, meta nqabblu ż-żieda ta’ 3.9% għal rwoli finanzjarji, żieda ta’ 4.9% fis-salarji ta’ min jaħdem fis-Sales and Marketing u 5.5% għal dawk li jaħdmu fl-IT, il-pożizzjonijiet ta’ min jaħdem fl-oqsma legali u ta’ compliance raw l-ogħla żieda ta’ 6.3%. Dan juri l-valur ta’ dawn il-pożizzjonijiet fid-dawl tal-fatt li dawn jirrikjedu individwi kompetenti u mill-iżjed professjonali. Minn naħa l-oħra, rajna tnaqqis fis-salarji f’rwoli oħra, possibilment minħabba ż-żieda ta’ impjegati barranin.
Issa li l-pandemija għaddiet, innutajtu differenza fiċ-ċaqliq ta’ impjegati?
Wara li matul il-pandemija ftit kienu dawk li kienu qed jiċċaqilqu minn kumpanija għall-oħra, jidher li reġa’ beda jkun hemm iżjed ċaqliq, b’mod partikolari fost dawk il-kumpaniji li l-inqas kienu affettwati mill-pandemija u pożizzjonijiet li kienu u li għadhom l-iżjed imfittxija. Dan seta wassal għal iżjed kompetizzjoni għal talent li seta’ kellu wkoll impatt fuq is-salarji ta’ diversi pożizzjonijiet.
U x’kienu r-riżultati ewlenin ta’ l-istħarriġ ta’ din is-sena dwar l-iżvilupp tar-Riżorsi Umani?
Wieħed mir-riżultati ewlenin ta’ dan l-istħarriġ wera kif għal 72% ta’ min irrisponda, l-isfida ewlenija tagħhom hija s-salarji, ċifra li kienet ferm ogħla minn dik ta’ 56% li rreġistrajna s-sena l-oħra. Fil-fatt, filwaqt li l-isfida ewlenija għal ħafna minn dawk li jaħdmu fir-Riżorsi Umani se tkun dik ta’ aspettattivi iżjed għoljin rigward salarji, l-għan strateġiku ewlieni se jkun dak li kemm jista’ jkun, l-impjegati ma jintilfux. Il-pressjoni sabiex jinżammu l-impjegati se tkun qed tiddependi fuq kemm hemm talent, fuq salarji u fuq kemm jinstabu impjegati kwalifikati biżżejjed.
Jiġifieri taqbel li r-rwol tar-Riżorsi Umani fi ħdan il-kumpaniji qed ikompli jkun iżjed iebes?
Iva. Fil-fatt, min iħaddem u min jopera fil-qasam tar-riżorsi umani bħalissa qed jiffaċċja erba’ sfidi ewlenin. Dawn huma: aspettattivi għal salarji iżjed għoljin, domanda għal salarji ogħla minn Impjegati u applikanti li mhux neċessarjament huma kapaċi biżżejjed, diffikultà sabiex jinġibed iżjed talent, u diffikultà biex l-impjegati jinżammu fil-kumpanija. Dan jaf iwassal biex min iħaddem, jibda’ jevalwa s-sostenibbiltà ta’ l-istruttura ta’ salarji. In-nuqqas ta’ impjegati b’esperjenza u b’kwalifiki u n-nuqqas ta’ applikazzjonijiet huma wkoll problem li qed jirrepeti ruħhom b’mod regolari.
Kopji tal-MISCO Salaries and Benefits Report 2022/2023 jistgħu ikunu ordnati billi tintbagħat email fuq [email protected]