Minkejja li fil-jiem li għaddew id-dinja Kattolika kienet qiegħda tiċċelebra il-jiem tal-passjoni, postijiet reliġjużi spiċċaw fil-miri ta’ attakki fi gwerer li għaddejjin. Fl-Ukrajna, eżattament f’Kherson, knisja Griega spiċċat milquta.

Filfatt kien fit-3 ta’ April li waqt attakk knisja f’Kherson spiċċat intlaqtet. Il-Knisja Griega tan-Natività tal-Madonna, tilfet il-kappella tal-ġenb tagħha ddedikata lill-Qaddisin Kostantinu u Elena. Il-koppla ċentrali tagħha ġarrbet ħsarat. Il-bini sofra ħsarat estensivi.
L-Arċipriet tal-Knisja, Vitaliy Malaniy f’appell imqanqal ħabbar li “b’riżultat ta’ attakk, il-knisja tagħna ġarrbet ħsara,” u appella għall-għajnuna.

