Wednesday, December 25, 2024

Minkejja distakk qawwi bejn il-partiti, Grech għadu jemmen li jista’ jirbaħ l-elezzjoni

Aqra wkoll

Minkejja li l-istħarriġ xjentifiku ta’ Dr Vincent Marmarà ppubblikat fuq IT-TORĊA wera kif id-distakk bejn il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista kompla jikber, il-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech għadu jittama li jista’ jirbaħ l-elezzjoni ġenerali li jmiss.

L-istħarriġ wera kif il-Partit Laburista għandu vantaġġ ta’ 14.1% fuq il-Partit Nazzjonalista filwaqt li l-Prim Ministru Robert Abela huwa fdat 21.5% aktar minn Bernard Grech. Waqt li 52.2% wieġbu li jafdaw lil Robert Abela, ftit inqas minn terz tal-elettorat (30.7%) jemmen li Grech huwa l-aħjar mexxej biex imexxi l-pajjiż.

L-istħarriġ isemmi wkoll li kieku kellha ssir elezzjoni għada, il-Partit Laburista jikseb maġġoranza ta’ madwar 44,000 vot. 

Meta mistoqsi mill-ġurnalist ta’ One News Colin Deguara speċifikatament fuq dan l-istħarriġ f’intervista li saret fuq il-Fosos tal-Floriana, il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech waqt li rrikonoxxa li l-PN għad fadallu ħafna x’jagħmel u li mhux dritt tagħhom li jkunu fil-Gvern, qal li huwa d-dmir tiegħu li jkompli jaħdem biex ikompli jimxi ‘l quddiem.

Huwa qal li l-istħarriġ huwa ritratt tal-ġurnata u li l-avvanzi li jagħmlu minn żmien għal żmien jimlewh bil-kuraġġ. “Jidher li fuq dak tal-2017 għad fadlilna x’nirranġaw. Aħna nirbħu l-elezzjoni rridu. Bilfors irridu nirranġaw u ntejbu. Dak hu l-għan tagħna bħala partit,” qal Grech. 

Kien hawn fejn il-ġurnalist qallu illi b’44,000 vot bejn iż-żewġ partiti ewlenin, it-titjib għadu kemmxejn fil-bogħod. Grech wieġbu illi l-PN kulma ilu fl-Oppożizzjoni tmien snin u nofs u li kien hemm diffikultajiet li jirrikonoxxihom. 

Qal li fl-aħħar sena, meta ħa t-tmexxija tal-Partit, saru avvanzi kbar iżda fi kliemu stess “għadna ma wasalniex.” Qal li l-PN mhux se jaqta qalbu quddiem sfida elettorali li sal-lum hija indikattiva għax skontu “hemm ħafna nies kwieti u mhux jgħidu verament x’se jivvotaw. Mhux 44,000 għandek bżonn, imma 22,001.”

Il-ġurnalist staqsieh ukoll dwar Adrian Delia u jekk jistħix minnu li ħadlu postu anke wara kampanja ta’ attakki fil-konfront tiegħu, Grech qal li huwa qatt ma kellu ebda attakk personali kontra Delia u li jitkellem miegħu.

Grech sostna wkoll li jixtieq li Delia joħroġ fuq distrett partikolari iżda min-naħa tiegħu Delia jixtieq li joħroġ fuq distrett differenti. Huwa qal ukoll li la jkun hemm ftehim, ikun jista’ jħabbar fuq liema distrett Delia jista’ joħroġ iżda sa issa “għadu mhux kuntent”. 

Mistoqsi jekk jaqbilx mal-attakk li sar fuq membru tal-ġudikatura minn membru tal-oppozzizzjoni qabel ta d-deċiżjoni tiegħu, Grech wieġeb li: “nispera li mhux qed tgħid li jekk ikun hemm xi ħadd li jkun jaf l-informazzjoni, dik l-informazzjoni jaħbiha. Huwa dmir tagħna li meta jaf li hemm xi ħaġa irregolari għandu obbligu li dak joħroġha fil-pubbliku.”

Dwar l-ittra li bagħtet l-għaqda Repubblika lill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen dwar Malta, Grech qal li dawn huma liberi u fejn għandhom dritt li jagħmlu dik l-ittra, jagħmluha mbagħad imexxu dik in-narrattiva.

Dwar l-investiment fit-toroq, Grech qal li huwa tajjeb li qed isir dan l-investiment però sostna li l-flus kollha li qed jintefqu ġejjin ukoll mill-UE. Dwar dan il-Partit Laburista ħareġ stqarrija fejn qal li mhu minnu xejn.

Ekonomija

Sport