Proprju bħal-lum 37 sena ilu il-Port il-Kbir kien irrappurtat kif il-Port il-Kbir kien ġie imblukkat minn bastiment, li kien inħareġ hemm mill-ħaddiema tat-tarzna. Kienet protesta tal-istess ħaddiema kontra d-deċiżjoni tal-Gvern Nazzjonalista li jħalli bastimenti li jġorru armi nukleari jidħlu fil-Port il-Kbir. Kienu saru tentattivi sħaħ biex il-pjani u l-protesta tal-ħaddiema titħarbat. Kull tentattiv li sar ma rnexxiex għax il-ħaddiema dakinhar immexxija minn Sammy Meilaq, kienu stinati li l-Ark Royal ma jidħolx, kif filfatt sar.
Joseph Gafa, kien wieħed minn dawk li kien mexxa t-tugboat u li dak iż-żmien kien impjegat tat-tarzna. Hu kien qalilna li minkejja kull theddid żamm dejjem sod mal-prinċipju tiegħu. Jiddikjara li llum kulħadd jaf li dak li sar kien fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
Jgħid li “dak iż-żmien kont impjegat tat-tarzna bħala ‘Coxswain (insuq it-tug boats) u dak iż-żmien ħassejt li kelli nagħti l-kontribut tiegħi kontra n-nukleari u anke ħeġġiġt lil sħabi biex jieħdu parir. Għaldaqstant bdejna billi nieħdu miżuri biex l-aircraft carrier Ark Royal ma tiddaħħalx fil-Port il-Kbir. Dan billi jien ħadt ħsieb biex niggwida minn fuq il-vapur Copper Mountain żewġ tugboats, iċ-Ċetta u l-Mari. B’hekk inġibed il-vapur Copper Mountain minn mal-Baċir Numru 6 taċ-Ċiniżi għall-bokka tal-Port fejn ġie ankrat minn Taħt iż-Żiemel għal taħt ir-Rikażli u għaldaqstant ikun ta’ ostaklu għad-dħul tal-biċċiet tal-baħar fil-Port il-Kbir.
Għalija din kienet importanți ħafna. Għalija u għal uliedi u għal oajjiżna għax dejjem kont mgħallem kontra n-nukleari u satt ma ridt li dan kun il-bidu ta’ xi ħaġa li tista’ twassal għal xi ħaġa ħafna akbar.
Kontra dak kollu li għamilna l-Ħamis u l-Ġimgħa ġew mogħtijin struzzjonijiet mill-awtoritajiet lit-tarzna biex il-vapur Copper Mountain jitneħħa mill-bokka tal-port u fil-fatt, hekk għamlet it-Tarzna u għaldaqstant id-dħul tal-port kien liberu.
Il-Ġimgħa filgħaxija waqt attività taħt it-Telgħa tal-Kurċifiss ġie miftiehem li għandna nieħdu passi ulteriori kontra kull kurrent. Peress li r-riħ kien qed jonfoħ mix-Xlokk Lvant, ftit qawwi, jien irrealizzajt li vapori ieħor li kien fit-tarzna għat-tiswija f’Boiler Wharf (North) bl-isem jidhirli Olympic Glory, seta’ jintuża’ għall-iskopijiet tagħna. Dan billi ħallejna iċ-ċimi tal-poppa u bl-għajnuna tar-riħ idur waħdu għal ġo nofs il-port.
Dan kollu għamilnieh is-Sibt filgħodu. Wara mort u qbadt it-tugboat Feliċa, ħadt il-kexxun (bieba kbira) tal-Baċir Numru 5 u ġbidtu għal bejn il-ponta tal-Isla u d-Dwana tal-Belt, fejn ġie ankrat fin-nofs. Wara dħalt il-Birgu Waterfront fejn minn hemm ġbidt vapur ieħor żgħir bl-isem ‘Iż-Żejtun’ u ħriġtu bi dritt Forti Sant Anġlu f’nofs il-port u ħallejtu hemm.
Sadanittant inġemgħu ħafna nies fuq iż-żewġ naħat tal-port u sake zien li kont qiegħed insuq il-Feliċa lejn il-moll tal-Isla bien jinżel wieħed mill-ekwipaġġ, ġriet warajna l-patrol boat tal-AFM.
Kien hawnhekk fejn ġejna milqutin b’ħafna gass tad-dmugħ sparat mill-patrol boat tal-Forzi Armati ta’ Malta u fost tensjoni u kaos kbir irnexxieli indaħħal lill-Feliċa mal-moll fejn wara ġejt rikoverat fil-Maċina.
Madwar tmint ijiem, waqt li kont qiegħed nagħmel il-ħobż tat-tfal għall-iskola, spiċċajt ġejt arrestat ġo dari fejn bis-sitwazzjoni politika ta’ dak iż-żmien ma nawgura lil ħadd li jgħaddi minn dik l-esperjenza. Kont ġejt mixli b’kull tip ta’ kriminalità li wieħed jista’ jimmaġina proprju għax kont qiegħed insuq it-tug boat.
Il-Pulizija fil-frattemp, mars d-dar tiegħi, fejn bla ebda skrupli qallbuli kulma kelli biex jippruvaw isibu li riedu iżda minn dak li riedu ma sabu xejn. Wara li ġejt meħlus u erġajt bdejt inmur għax-xogħol, kont erġajt ġejt arrestat għat-tieni darba fuq l-istess każ.
Hu ta’ sodisfazzjon kbir illum għalija li tajt sehmi għal kawża daqshekk ġusta , li issa aktra minn qatt qabel, inħoss li kont fuq in-naħa t-tajba tal-istorja.
“Bkejt u qaltj kemm flaħt imma l-prinċipju dejjem żammejtu anke meta naf li kont qiegħed niġi mhedded. Illum bħala Maltin nistgħu niftaħru li jien u sħabi konna strumetnali biex tiġi miktuba l-isotrja ta’ meta Malta b’suċċess ma ħallietx aircraft carrier nukleari tidħol f’pajjiżna”.