Saturday, November 23, 2024

Minkejja l-awtiżmu, jibrilla fil-ħajja u jixtieq isir video editor

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

Oħtu tirrakkonta kemm jispiraha tant li tistudja dwar edukazzjoni inklussiva biex iġġib bidla fis-soċjetà

Miktub Minn MARIA AZZOPARDI

Axel huwa tfajjel ta’ 16-il sena u oħtu tgħid li huwa sab ħafna ostakli fl-esperjenza tiegħu l-iskola u l-problemi jvarjaw sa saħansitra bullying minħabba l-kundizzjoni tiegħu tal-awtiżmu. Oħtu, Aime Borg Duca li għandha 20 sena, tgħid li sfortunatament minkejja l-avvanzi kbar li saru, persuni bħal ħuha xorta waħda f’ċertu każijiet jiġu bħal donnhom minsija u mkassbra. Minkejja dan kollu, Axel qiegħed jeċċella fil-vjaġġ tiegħu edukattiv tant li f’suġġett partikolari li għażel, il-Ġermaniż, irnexxielu jġib marka sabiħa. Aime qalet li ħuha jfisser ħafna għaliha u din il-kisba tfisser risposta lil dawk kollha li kasbruh u li m’emmnux fih u jfisser ukoll tama li ‘l quddiem għad jirnexxi. Aime qalet li temmen li ħuha kapaċi jsib il-karriera li tant jixtieq bħala video editor tant li sa minn età żgħira dejjem kien bravu fil-kompjuter.

Aime rrakkontat, “L-esperjenza ta’ ħija fl-iskola bdiet fit-2007 u qatt ma kienet faċli la għal ħija u wisq anqas għall-ġenituri tiegħi li bdew jiffaċċjaw problema wara l-oħra biex verament ħija jikber u jiżviluppa l-potenzjal kollhu tiegħu bl-aħjar mod. Jiena li nispira ruħi mill-istorja ta’ ħija u ddedikajt l-istudji tiegħi fl-Edukazzjoni Inklussiva nista’ nara d-diskrepanza kbira li teżisti bejn it-teorija, dak li nitgħallem jien fuq l-edukazzjoni inklussiva, u dak li verament qegħdin noffru lill-persuni bi bżonnijiet speċjali fl-iskejjel mainstream.”

“Ma ridnix li narmu l-potenzjal tiegħu… huwa bravu ħafna akkademikament”

“Meta ħija ġie biex fil-Form 1 jagħżel il-lingwa li xtaq jitgħallem, bħal kull student ieħor, ingħata lista ta’ lingwi li minnha għażel il-Ġermaniż. Sfortunatament, il-ġenituri tiegħi ġew magħrfa mill-iskola li ħija seta’ jagħżel il-lingwi kollha minbarra l-Ġermaniż u dan mhux għax il-Ġermaniż ma kienx ħa jiġi mgħallem imma speċifikament b’referenza għall-kundizzjoni tiegħu. Hawn ta’ min wieħed jifhem li parti mill-kundizzjoni ta’ persuni bħal ħija, hija l-fatt li jkunu maqtugħin f’dinja għalihom waħidhom għalhekk tifhem li kwalunkwe ħaġa li ma tinteressahx madwaru għalih ma teżistix u kieku intgħażlet lingwa oħra ħija kien sempliċement se jkun qed jaħli ħinu f’dawn il-lezzjonijiet,” qalet Aime.

Hija qalet li llum tista’ b’sodisfazzjon tgħid li ħuha, wara l-keddha li ħadu l-ġenituri biex joġġezzjonaw fuq din iċ-ċaħda, il-marka tiegħu fil-Ġermaniż illum fil-ħames u l-aħħar sena sekondarja hija waħda li tagħmilna kburin. Oħtu qalet li din m’hiex marka daqshekk fjakka, lanqas għal persuna mingħajr il-kundizzjoni ta’ ħuha u jidher biċ-ċar li kien ikun ħasra li kieku l-ġenituri tagħhom ma kkonvinċewx lill-iskola biex tħallih jattendi għal-lezzjonijiet tal-Ġermaniż. 

Aime semmiet problema oħra simili li Axel kellu jaffaċċjaha fil-Form 2, bil-VET IT u VET Health and Social Care. “Hawnhekk l-iskola bdiet tirrifjuta li tgħallmu dawn is-suġġetti speċifikament minħabba l-eżamijiet u minflok offrietlu li jitgħallem gardening. L-argument tal-iskola kien li peress li ħija kien jiffrustra ruħu jikteb, riedet toffrilu xi ħaġa li fiha aktar prattika u inqas kitba, il-programm offrut kien Princes’ Trust. Għal darb’oħra l-ġenituri tiegħi oġġezzjonaw u għal darb’oħra biex tikkonvinċi ma kinitx faċli. Illum kburin bit-tifel li segwa l-korsijiet li xtaq fl-VET IT u fil-VETHealth and Social Care u l-marki tiegħu huma ferm sodisfaċenti,” qalet Aime.

“Grazzi lill-LSE’s ddedikati kollha”

Minn hawnhekk, Aime xtaqet tirringrazzja lil dawk l-LSE’s iddedikati kollha li ħuha kellu numru kbir minnhom, li tul iż-żmien ħarġu barra minn triqthom biex ħuha jimxi ‘l quddiem, speċjalment l-LSE attwali li ilha miegħu għal dawn l-aħħar sentejn u anke f’dan iż-żmien tal-Covid-19 mid-dar tagħha baqgħet tieħu ħsiebu tant li magħha Axel għamel progress kbir.

“Kull esperjenza li kellhi fejn daħlet inġustizzja ispiratni biex jien nistudja aktar fuq is-suġġett. L-iktar waħda riċenti li niftakar hija ta’ din is-sena. Axel mingħajr LSE li tagħti attenzjoni b’mod individwali ma jmur imkien minħabba li ċertu affarijiet għad għandu bżonn għajnuna fihom bħal kif jissoċjalizza man-nies, kif jaqsam it-triq fost affarijiet oħra. Issa li spiċċa l-Form 5 bdejna nfittxu postijiet li Axel jista’ jmur fihom biex ikompli javvanza l-edukazzjoni tiegħu. L-istituti kollha li hawn Malta ma joffrux one to one LSE u dan għalina bena ħajt li żammna milli Axel ikompli b’ħajtu għaliex issa l-unika soluzjoni kienet li jibqa’ d-dar,” qalet Aime.

Fl-aħħar nett hija qalet li bl-għajnuna tal-LSE tiegħu, transition coordinator u d-determinazzjoni tagħhom bħala familja rnexxielhom jikkonvinċu lill-MCAST li Axel huwa bravu ħafna akkademikament, “imma għandhu bżonn lil dak ix-xi ħadd li jgħidlu isma Axel, ieqaf għax se naqsmu triq, isma Axel tiġborix dik mill-art. Ma ridnix li narmu l-potenzjal tiegħu, infatti l-marki li ġab komplew juru li kien se jkun ħela jekk Axel jibqa’ d-dar minn 16. Infatti, jien iddedikajt it-tesi tiegħi ta’ din is-sena fuq dan is-suġġett. B’hekk ispirani biex nistudja aktar fuq is-suġġett u nagħmel impatt u bidla fuq is-soċjetà ħalli l-inklużjoni ma tieqafx wara l-Form 5.”

Sport