Thursday, October 30, 2025

Minkejja l-ftehim jissokta l-ġlied f’Gaża

Aqra wkoll

Waqt li ġimgħat ilu d-dinja ħadet ftit tan-nifs għax ħasbet li l-gwerra f’Gaża kienet spiċċat, jidher iżda li kollox mar żmerċ meta l-isparar, il-ġlied u l-imwiet għadhom iseħħu kuljum f’dan ir-reġjun. 

L-aħħar ġlied wassal biex mill-inqas 104 Palestinjani, inkluż 46 tfal u 20 mara, nqatlu f’mewġa ta’ attakki Iżraeljani nhar it-Tlieta filgħaxija, skont ma ntqal mill-aġenzija tad-Difiża Ċivili mmexxija mill-Ħamas u l-isptarijiet tal-post.

Ġie rrapportat kif l-Iżrael wettaq l-attakki b’reazzjoni għal dak li qal li kien il-qtil ta’ suldat Iżraeljan u ksur tal-ftehim għal waqfien mill-ġlied. Dawn l-attakki ħallew ukoll aktar minn 250 persuna midruba. 

Il-Ministru tad-Difiża ta’ Iżrael akkuża lill-Ħamas b’attakk fin-Nofsinhar ta’ Gaża li qatel suldat Iżraeljan u li kiser it-termini tal-ftehim dwar ir-ritorn tal-katavri tal-ostaġġi Iżraeljani mejtin. Il-Ħamas sostna li ma kellu l-ebda konnessjoni mal-attakk u insista li kien impenjat li jżomm mal-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied.

Wara l-attakk ta’ nhar it-Tlieta, il-President tal-Istati Uniti Donald Trump minkejja li kien sostna li “xejn” ma kien se jipperikola l-waqfien mill-ġlied, irrimarka li Iżrael għandu dritt li “jirritalja u jattakka lura” meta s-suldati tiegħu jkunu fil-mira.

L-aħħar attakki Iżraeljani laqtu djar, skejjel u blokki residenzjali fil-belt ta’ Gaża u Beit Lahia fit-tramuntana ta’ Gaża, Bureij u Nuseirat fiċ-ċentru, u Khan Younis fin-nofsinhar.

Stqarrija qasira u xotta maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu qalet li kien il-Prim Ministru li ordna lill-militar biex iwettaq “attakki qawwija” f’Gaża iżda ma speċifikatx ir-raġunijiet tiegħu.

Madankollu, il-Ministru tad-Difiża ta’ Iżrael qal li l-Ħamas kien qabeż il-“linja ħamra” billi nieda attakk fuq suldati Iżraeljani f’Gaża nhar it-Tlieta.

Il-Ħamas ħarġet stqarrija fejn ċaħdet li l-ġellieda tagħha kienu attakkaw lit-truppi Iżraeljani u filwaqt li affermat li m’għandha l-ebda konnessjoni mal-inċident tal-isparatura f’Rafah sostniet l-impenn tagħha għall-ftehim ta’ waqfien mill-ġlied. 

Sadanittant, il-fergħa militari tal-grupp tal-Ħamas qalet li se tipposponi r-ritorn tal-katavru ta’ ostaġġ li kienet irkuprat minħabba dak li sejħet “ksur” Iżraeljan.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport