Wednesday, June 18, 2025

‘Minkejja l-isfidi, il-konsistenza, il-fokus u l-għaqda fit-tim wassluna biex niksbu l-kampjonat’ – Casey Azzopardi

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn in-netball?

L-imħabba tiegħi lejn in-netball bdiet minn età żgħira ħafna, meta kelli biss 7 snin. Minn dejjem kont inħobb l-isport, u meta skoprejt in-netball, ħassejt li kien is-sport perfett għalija. L-enerġija, il-ħidma f’tim, u l-passjoni li jinvolvi dan l-isport ġibduni mill-ewwel. Ma domtx biex irrealizzajt li rrid inkompli ntejjeb u nikber fih kemm jista’ jkun.

Iddeskrivi l-esperjenza tiegħek sa issa ma’ Fgura Champs Netball Club.

L-esperjenza tiegħi ma’ Fgura Champs kienet waħda speċjali u ta’ tkabbir personali. Il-klabb offrieli mhux biss opportunitajiet kompetittivi, iżda wkoll ambjent pożittiv u ta’ familja fejn stajt nikber bħala plejer u bħala persuna. Tgħallimt ħafna mingħand il-kowċ u sħabi, u dejjem inħossni grata li nagħmel parti minn dan it-tim.

X’tikkummenta fuq il-kowċ, Yvonne Barry?

Yvonne Barry mhix biss kowċ b’esperjenza kbira, imma wkoll mexxejja li temmen fil-potenzjal ta’ kull plejer. Il-passjoni tagħha għall-isport, id-dixxiplina li toffri, u l-appoġġ kostanti jagħmluha ispirazzjoni kbira għalina kollha. Il-kowċ dejjem taraha tagħmel dak kollu li tista’ għal ġid tat-tim u tal-plejers individwali. Hija persuna dedikata ħafna, u jiena nħossni onorat li hija l-kowċ tiegħi. Kemm fuq livell ta’ netball u kemm fuq livell personali, il-kowċ dejjem kienet lesta biex tgħinna u tkun hemm għalina meta jkollna bżonn.

X’unuri rebħt fil-karriera tiegħek kemm fuq bażi personali kif ukoll bħala tim?

Matul il-karriera tiegħi, irbaħt diversi unuri kemm fuq livell personali kif ukoll bħala parti minn tim. Irbaħt il-kampjonat (league) ma’ diversi timijiet differenti li lgħabt magħhom matul is-snin. Dawn ir-rebħiet mhux biss jirrappreżentaw suċċess sportiv, imma wkoll l-impenn, id-dedikazzjoni u l-ħidma f’tim li dejjem emmint fihom.

X’tikkummenta fuq l-andament tat-tim matul l-aħħar staġun fejn irbaħtu wkoll il-kampjonat?

L-aħħar staġun kien wieħed inkredibbli għalina. Minkejja l-isfidi, il-konsistenza, il-fokus u l-għaqda fit-tim wassluna biex niksbu l-kampjonat. Kull plejer ta l-aqwa tiegħu, u kienet xhieda ta’ kemm xogħol iebes u impenn jagħmlu differenza.

Kif tqis il-livell tan-netball f’pajjiżna, u kif rajtu jinbidel tul is-snin?

Nemmen li l-livell tan-netball f’Malta qed jitjieb u qed jitla’ gradwalment. Madankollu, għad hemm bżonn li dan l-isport jikber u jissaħħaħ aktar fil-pajjiż. Tul is-snin rajt aktar interess, impenn u professjonalità, iżda biex in-netball jilħaq il-potenzjal sħiħ tiegħu f’Malta, hemm bżonn aktar investiment, promozzjoni u opportunitajiet għal plejers żgħażagħ biex jiżviluppaw.

U dak tar-riżorsi (courts) fejn titħarrġu u tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Il-faċilitajiet huma essenzjali biex plejer jilħaq il-potenzjal tiegħu. Għalkemm hemm ċerti courts tajbin, għad hemm nuqqas ta’ spazji dedikati biss għan-netball. Żgur li investiment f’dan il-qasam jgħin ħafna biex l-isport ikompli jikber f’pajjiżna.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fin-netball?

Nixtieq inkompli nikber f’dan l-isport, kemm fuq livell ta’ prestazzjoni personali kif ukoll bħala figura li tispira lill-oħrajn. Jiena impenjata li nkompli naħdem iebes u nuri li b’dedikazzjoni u passjoni, kollox hu possibbli.


Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fin-netball.

Il-messaġġ tiegħi hu li temmnu fikom infuskom u fil-ħolma tagħkom. In-netball jagħti ħafna: dixxiplina, ħbiberiji, u sodisfazzjon personali. Ma jkunx dejjem faċli, imma jekk taħdmu b’qalbkom u ma taqtgħux qalbkom, is-suċċess jasal. Tibżgħux tibdew – kull pass żgħir iwassal għal bidla kbira!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport