“Il-biedja u r-raba’ kienu u għadhom setturi kruċjali għal pajjiżna. Il-festa tal-Imnarja hija ċelebrazzjoni ta’ dawk il-bdiewa u r-raħħala li b’xogħolhom kontinwu jżommu l-ħajja rurali ħajja. Minkejja l-isfidi li qegħdin jiffaċċjaw illum – minn bidliet fil-klima għal kompetizzjoni f’suq globali – dawn in-nies għadhom hemm jaħdmu, anke b’innovazzjoni, biex iżommu din l-industrija ħajja. L-Imnarja tagħtina l-okkażjoni biex nagħtu ġieħ xieraq lilhom u nkomplu ngħinu biex dan is-settur jibqa’ parti integrali mill-ekonomija u l-identità tagħna.”
Qal dan il-Ministru għall-Agrikoltura, is-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali, Anton Refalo fl-okkażjoni tal-festa popolari ċċelebrata llum tal-Imnarja fejn ikkonferma li l-Imnarja għadha segwita ħafna mill-Maltin. “Forsi b’mod differenti minn qabel, imma bl-istess ħeġġa u rispett lejn it-tradizzjoni. Il-fatt li għadha tiġbed ħafna familji, żgħażagħ u tfal lejn il-Buskett u lejn l-attivitajiet relatati, juri li hemm għatx għat-tradizzjonijiet u għal esperjenzi li jorbtu n-nies mal-għeruq tagħhom. Naħseb li l-Maltin iħobbu l-Imnarja għax tagħtihom spazju fejn jgħixu kultura awtentika u jaraw b’għajnejhom il-ġmiel tal-biedja u tan-natura tagħna. Hija festa li toħloq nostalġija, imma fl-istess waqt tagħti valur ġdid lil dak li forsi xi drabi jintesa,” spjega l-Ministru Refalo.
Il-festa li tgħaqqad il-wirt agrikolu mal-folklor temporanju
Fil-fatt, meta jasal tmiem Ġunju l-għelieqi ta’ Buskett jingħataw il-ħajja bl-attivitajiet sbieħ marbuta mal-festa tal-Imnarja fejn raħħala u bdiewa jippreżentaw il-prodotti bnini tagħhom lill-poplu akkumpanjati fost l-oħrajn minn għana u tisjir ta’ ikel tradizzjonali Malti. Din mhiex biss festa reliġjuża imma hija ċelebrazzjoni tal-identità nazzjonali, kultura agrarja u tiġdid storiku li jmur lura għal mijiet ta’ snin.
Il-festa tal-Imnarja, iċċelebrata kull sena fis-29 ta’ Ġunju, għadha sal-lum waħda mill-aktar avvenimenti sinifikanti fil-kalendarju Malti – festa li tħaddan memorji interġenerazzjonali u li tiġbor flimkien il-passat mal-preżent. Din timmarka wkoll waqfa ta’ mistrieħ tal-bdiewa u r-raħħala wara ħidma bla heda fis-setturi tagħhom. Festa li tfakkarna fix-xogħol iebes tal-bidwi lokali li kontra kull element joħroġ biex jieħu ħsieb u jkabbar prodotti lokali u friski. F’din l-okkażjoni, iżda mhux biss, il-bdiewa u r-raħħala tagħna huma apprezzati.
Valur storiku u għeruq reliġjużi
Il-kelma Imnarja ġejja mil-Latin Luminaria, li tfisser mixgħela – rifless tal-fjakkoli u xemgħat li kienu jinxtegħlu bħala simbolu ta’ ċelebrazzjoni. L-għeruq tagħha jmorru lura sal-perjodu medjevali u saħansitra l-pagan fejn iċ-ċelebrazzjoni kienet marbuta mal-ħsad u ċ-ċiklu tan-natura.
Għalkemm illum il-festa tal-Imnarja hija assoċjata ma’ San Pietru u San Pawl, din għandha wkoll valur soċjali u politiku, b’rabtiet mal-Kavallieri ta’ San Ġwann li kienu jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni tal-poplu fil-festi bil-għan li jsaħħu r-rabtiet bejn il-Knisja, l-awtorità u l-komunità agrikola.
Skont diversi storċi, l-Imnarja ilha tiġi ċċelebrata mill-inqas mill-bidu tas-seklu 17 għalkemm xi għeruq jistgħu jmorru lura għal qabel. Il-festa kienet tifforma spazju fejn il-bdiewa u r-raħħala setgħu jieħdu mistrieħ mil-ħidma tagħhom u jissieħbu f’ġabra kollettiva ta’ għana, ikel, tiġrijiet u wirjiet tal-ħiliet tagħhom.
Dak li kien isir fll-passat imqabbel maż-żminijiet moderni
Dari din il-festa kienet testendi għal diversi jiem b’Te Deum fil-Katidral tal-Imdina, purċissjonijiet, tiġrijiet taż-żwiemel fil-Mall tal-Furjana u l-għana spirtu pront li jbaħħar minn siegħa għall-oħra taħt is-siġar tal-Buskett. In-nies kienu jinġabru mil-lejl ta’ qabel, jieħdu magħhom il-fenek, jaraw il-festi, jorqdu taħt is-siġar u jqattgħu ġurnata sħiħa f’għaqda komunitarja.
Illum il-ġurnata l-Imnarja hija taħlita sabiħa ta’ antik u ġdid. Din il-festa pubblika għadha bbażata fuq ċelebrazzjoni reliġjuża iżda żdiedu wkoll elementi ta’ kultura kontemporanja fosthom kunċerti live, attivitajiet għat-tfal, wirjiet tal-artiġġjanat u prodotti lokali, kif ukoll l-involviment ta’ NGOs li jippromwovu s-sostenibbiltà u l-wirt agrikolu tagħna.
Il-festa minn għajnejn in-nies
Għal ħafna l-Imnarja tibqa’ festa maħbuba għax tirrappreżenta kontinwità bejn ġenerazzjonijiet. Studju mill-Università ta’ Malta (2018) wera li 73% ta’ dawk li jattendu l-festa jarawha bħala “ritwal kulturali li jħaddan memorji interġenerazzjonali”. Minkejja li din l-festa maż-żmien evolviet, il-memorja kollettiva baqgħet u se tibqa’ ħajja għax tgħaqqad żminijiet differenti taħt l-istess siġar li għal sekli sħaħ raw lill-poplu Malti jiċċelebra l-għeruq tiegħu.
Fir-rigward il-Ministru Refalo qal li l-festa tal-Imnarja hija waħda mill-aktar tradizzjonijiet storiċi u kulturali għonja li għandna f’pajjiżna. Din tirrappreżenta r-rabta qawwija li l-Maltin dejjem kellhom mal-art, mal-biedja u ma’ pajjiżhom. Elabora li, “il-valur veru tal-Imnarja jinsab fit-tifkira tal-identità tagħna bħala komunità li għexet mir-raba’ u l-annimali, kienet u għadha sors ta’ għajxien għal bosta u li tat valur kbir lix-xogħol manwali u lill-ambjent naturali”.
Semma kif fi żmien meta l-ħajja saret mgħaġġla u teknoloġika, l-Imnarja tfakkarna fl-importanza li nieqfu u napprezzaw dak kollu li huwa awtentiku u magħmul b’imħabba, passjoni u b’dedikazzjoni. Festa ta’ gratitudni u rispett lejn dak li writna.
“Tifkira tal-identità tagħna bħala poplu”
Ta’ kull sena, fil-Buskett, bejn ħoss ta’ żiemel u nota ta’ għannej, il-Maltin jerġgħu jgħixu storja li ilha magħhom għal sekli sħaħ – storja li, bħall-għana li tinstema’ taħt is-siġar, ma tmut qatt. Għaldaqstant, l-Imnarja mhiex biss festa oħra fil-kalendarju Malti imma hija ġrajja kulturali li tgħaqqad il-ġenerazzjonijiet, tapprezza l-ħidma agrarja lokali, kif ukoll tfakkarna fl-għeruq tagħna bħala poplu marbut mal-art, mal-fidi u mal-komunità.
“Il-festa tal-Imnarja mhix biss festa reliġjuża jew agrarja – hija tifkira tal-identità tagħna bħala poplu. Hija ċans għal kull wieħed u waħda minna biex niftakru minn fejn ġejna u fejn irridu mmorru bħala nazzjon li japprezza t-tradizzjoni u jirrispetta n-natura filwaqt li, bħala Gvern, inkomplu nkunu ta’ spalla kbira għal dan is-settur. Nistedinkom ilkoll biex tieħdu sehem fl-Imnarja 2025 u fl-attivitajiet li hemm ippreparati mhux biss biex tiċċelebraw imma, biex tagħtu ġieħ lil dawk li għadhom iżommu wirt missirijietna ħaj,” temm il-Ministru Anton Refalo.