Sunday, December 22, 2024

Minkejja l-istrajks fl-isptarijiet tar-Renju Unit, l-appartamenti ta’ Puttinu huma kollha mimlijin

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Sal-bieraħ kien għadu ma ntlaħaq ebda ftehim bejn il-unjins tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa pubblika (NHS) u l-Gvern Ingliż dwar talbiet għal żieda fil-pagi u konċessjonijiet oħra. Dan wassal għal azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet Ingliżi li fihom għadd ta’ Maltin imorru għall-kura, fost dawn pazjenti bil-kanċer. Talk.mt tkellem mal-President ta’ Puttinu Cares, Angele Cuschieri, fejn infurmatna li l-appartamenti li jagħtu lill-pazjenti bil-kanċer u l-familji tagħhom, huma kollha mimlijin. Dan għaldaqstant juri li minkejja li hemm l-istrajkijiet il-kura lill-pazjenti xorta qiegħda tingħata.

“Għajr għal każ wieħed li ġie pospost minħabba li ma kienx xi każ urġenti, il-pazjenti minn Malta li jirrikorru għand Puttinu Cares għadhom jitilgħu fir-Renju Unit għat-trattamenti tal-kanċer. Fil-fatt, l-appartamenti tagħna huma kollha kemm huma mimlijin,” ikkonfermat Cuschieri. Hija qalet li l-operazzjonijiet u l-kura li huma urġenti żgur li mhumiex jipposponuhom.

Bħala organizzazzjoni huma ma jkunux jafu wisq dettalji dwar is-sitwazzjonijiet fl-isptarijiet, però, Cuschieri qaltilna li mod minnhom kif l-istrajkijiet qegħdin jaffettwaw huwa t-traffiku qawwi. Dan tafu minħabba li ġew jgħidulha n-nies b’din il-problema.

L-azzjonijiet industrijali fl-isptarijiet Ingliżi ordnati mill-unjins mistennija jkomplu fejn “Unite” qalet li l-laqgħat tal-bieraħ irriżultaw f’“opportunità mitlufa” mentri l-Kulleġġ Irjali ta-Infermiera esprima diżappunt totali. Il-“Unison” qalet li hemm diskussjonijiet għaddejjin dwar iż-żieda fil-pagi iżda m’hemmx dwar konċessjonijiet. Kieku ntlaħaq ftehim, kieku l-istrajk tal-ambulanzi ppjanat għal-lum seta’ ġie mħassar.

L-unjins tal-ħaddiema fis-settur tas-saħħa tar-Renju Unit qegħdin jitolbu żieda xierqa u reali fil-pagi tal-membri tagħhom li tirrifletti l-għoli tal-ħajja li aktar ma jgħaddi ż-żmien, aktar qiegħed jiżdied minħabba l-inflazzjoni qawwija kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna.

Ekonomija

Sport