Saturday, October 26, 2024

Minkejja l-pandemija, f’pajjiżna fl-aħħar xhur xorta hawn livell tajjeb ta’ ottimiżmu u fiduċja

Aqra wkoll

L-istħarriġ tal-Eurobarometer li għamlet il-Kummissjoni Ewropea fit-tieni nofs ta’ Lulju li għadda jikkonferma kif, minkejja l-pandemija, f’pajjiżna fl-aħħar xhur xorta hawn livell tajjeb ta’ ottimiżmu u fiduċja.  

Fil-fatt, dan l-istħarriġ jindika li 58% tal-poplu jafda fil-gvern, kontra 40% fil-bqija tal-Unjoni  Ewropea. Qabel il-bidla fl-amministrazzjoni fl-2013, il-fiduċja fil-gvern Malti kienet tlaħħaq l-34%  biss. Barra minn hekk, il-proporzjon ta’ Maltin u Għawdxin li jafdaw il-gvern żdiedet b’7% imqabbla  mal-istħarriġ li kien sar f’Novembru tal-2019. B’kuntrast, il-Eurobarometer jindika li l-fiduċja tal 

poplu fil-media naqset għal 21%, l-anqas livell ta’ fiduċja fl-UE. 

92% tal-Maltin u Għawdxin qalu li kuntenti bil-miżuri li ħa l-gvern biex jikkumbatti l-pandemija. Dan kontra medja ta’ 62% fl-UE. Il-gvern Daniż biss kellu riżultat aħjar minn dak tal-gvern Malti.  41% ta’ dawk intervistati f’Malta jemmnu li kien hawn bilanċ tajjeb bejn il-bżonn tal-qasam tas-saħħa  u dak ekonomiku, filwaqt li 41% jaħsbu li hemm bżonn aktar attenzjoni għall-aspett ekonomiku.  Kważi kwart jemmnu li sa tmiem l-2021 l-ekonomija Maltija tkun irpiljat, kontra wieħed minn kull  ħamsa fl-Unjoni Ewropea. Fl-Olanda biss hemm proporzjon aktar li temmen f’irkupru daqshekk  malajr. 

Malta hija wieħed mill-ftit pajjiżi fl-UE fejn il-maġġoranza ta’ dawk intervistati jemmnu li l-pajjiż sejjer f’direzzjoni tajba. 52% ta’ dawk intervistati sostnew li jemmnu li l-affarijiet f’pajjiżna sejrin  fid-direzzjoni t-tajba, b’kuntrast għar-rata medja ta’ 36% madwar il-pajjiżi tal-UE. Il-proporzjon  f’Malta f’Lulju 2020 kienet kważi d-doppju ta’ dak fi tmiem l-2012, u 13% aktar mill-istħarriġ li kien  sar f’Novembru tal-2019. 

Minkejja l-pandemija, 60% ta’ dawk intervistati f’Malta qalu li l-ekonomija sejra tajjeb, kontra 34%  madwar l-UE. L-ottimiżmu ekonomiku li hawn f’pajjiżna huwa kważi l-istess li kien hawn fl-ewwel  xhur wara l-bidla fil-gvern fl-2013.  

73% tal-familji f’pajjiżna sostnew li l-qagħda finanzjarja tagħhom hija tajba, filwaqt li 53% tal-Maltin  jemmnu li l-qasam tal-impjiegi sejjer tajjeb. Barra minn hekk, 34% ta’ dawk intervistati sostnew li  jistennew li s-sitwazzjoni ta’ pajjiżna ser titjieb fis-sena li ġejja, kontra 20% li sostnew hekk madwar  l-Unjoni Ewropea. 

Waqt li fl-2012 kien hemm terz tal-familji inkwetati fuq l-ekonomija, illum dan il-proporzjon waqa’ għal 18%. Filwaqt li fl-2012 24% ta’ dawk intervistati kienu inkwetati fuq id-dejn nazzjonali, dan issa naqas għal 2%. F’pajjiżna bħalissa hawn l-anqas rata ta’ biża’ fuq il-qgħad fost il-familji madwar  l-UE, 4% kontra medja ta’ 28%. 

Ir-riżultati tal-Eurobarometer jikkonfermaw kemm hawn sens ta’ fiduċja fost il-familji f’pajjiżna. Il qagħda ekonomika, li twerwer lill-familji madwar l-Ewropa, mhux qed tbeżża’ wisq lill-familji  f’pajjiżna. Il-gvern qed igawdi aktar fiduċja, kontra istituzzjonijiet oħra f’pajjiżna, fosthom il-mezzi  tal-midja, fejn il-fiduċja naqset. Fattur ewlieni jidher li huwa l-appoġġ qawwi li jgawdi minnu l-gvern  biex jipproteġi l-għajxien tal-familji. Bil-miżuri meħuda fil-Budget għall-2021, is-suċċess miksub sa  issa fil-protezzjoni tal-impjiegi u d-dħul mistenni jissaħħaħ aktar.

Sport