Saturday, November 23, 2024

Minkejja s-snin, l-iskandlu taż-żejt jibqa’ mwaħħal fil-Qrati

Aqra wkoll

L-Avukat Ġenerali jikkonferma: “Ħames kawżi għadhom pendenti, għadha ma nħarġet l-ebda att ta’ akkuża”

Minkejja li għaddew diversi snin minn meta bdew jiġu ppubblikati l-ewwel rapporti fuq l-iskandlu taż-żejt fi ħdan l-Enemalta, liema skandlu ddomina l-aħbarijiet matul l-Elezzjoni Ġenerali tal-2013, Inewsmalta tista’ tikkonferma li għadha ma nħareġ l-ebda att ta’ akkuża biex l-imsemmi każ imur għas-smigħ quddiem il-Qorti Kriminali.

Wara li bgħatna numru ta’ mistoqsijiet lill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali fuq kif għadhom qegħdin jiżvolġu l-affarijiet, hekk kif bdew joħorġu x-xnigħat li l-atti tal-akkuża kienu bdew jiġu ppubblikati, l-Avukat Ġenerali Peter Grech ikkonferma li hemm bħalissa ħames kawżi li għadhom pendenti “li huma konnessi direttament jew indirettament mas-sensiela ta’ fatti magħrufa bħala “l-iskandlu taż-żejt.”

“Minn dawn, waħda ilha li ġiet riferita għas-smigħ u deċiżjoni lill-Qorti tal-Maġistrat bħala Qorti ta’ Ġudikatura Kriminali, mentri l-erbgħa l-oħra qegħdin jinstemgħu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati, bħala Qorti Istruttorja (fi stadju ta’ Kumpilazzjoni).”

Din ma kinitx l-ewwel darba li kien innutat li l-prosekuzzjoni f’dawn il-każijiet kienet qiegħda tkarkar, hekk kif f’Lulju tal-2019, l-Imħallef Joseph Zammit McKeon, filwaqt li kien qiegħed jippresedi il-Qorti Ċivili Prim’Awla, saħaq li f’perjodu ta’ erba’ snin (bejn Mejju tal-2015, u Jannar tal-2019), seħħew 22 seduta tal-Qorti fejn “prattikament ma seħħ xejn, bir-riżultat aħħari ta’ dan ikun li l-każ jibqa’ mwaħħal għal perjodu ta’ sitt xhur.”

Sport