Sunday, December 29, 2024

Minkejja xhur sħaħ midfuna, għadha mhix reġistrata mejta minħabba isem ommha ħażin fuq ċ-ċertifikati

Il-Qorti tordna li jinbidel isem ommha

Aqra wkoll

Ulied Angela Cauchi kellhom jiftħu kawża fil-Qorti t’Għawdex minħabba li hekk kif marru biex jirreġistraw il-mewt t’ommhom ġew informati li dan ma setax isir. Angela Cauchi mietet f’Marzu ta’ din is-sena.

Sar magħruf li meta Angela ġiet irreġistrata fit-twelid tagħha, isem ommha ġie mniżżel ukoll bħala “Angela” u mhux Anna kif fil-fatt kien jisimha. Kien għalhekk li r-Reġistru ma setax joħroġ iċ-ċertifikat tal-mewt ta’ Angela minħabba dan l-iżball.

Fil-Qorti wlied Angela Cauchi ppreżentaw iċ-ċertifikat tat-twelid tan-nanna tagħhom li l-isem f’dan kien imniżżel bħala Anna. Ippreżentaw ukoll iċ-ċertifikat tal-magħmudija li kien ħareġ mill-Parroċċa li wkoll kien l-isem kien imniżżel bħala Anna.

Biex tkun aktar diffiċli għal ulied Angela – bit-tama li ommhom tiġi rreġistrata bħala mejta mal-awtoritajiet Maltin, iċ-ċertifikat taż-żwieġ t’ommhom kien hemm imniżżel li ommha kien jisimha Marianna minflok kif suppost Anna.

Fil-Qorti ntqal li “wara li mietet ommhom Angela, l-att tal-mewt tagħha ma jistax jiġi reġistrat billi isem omm ommha, jiġifieri in-nanna tal-atturi, huwa mniżżel bħala “Angela” iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ ommha mentri in-nanna tagħhom kien jisimha “Anna” u mhux “Angela. Jgħidu li fiċ-ċertifikat tat-twelid tan-nanna tagħhom isem nannithom huwa indikat bħala “Anna”, kif fil-fatt huwa mniżżel ukoll fiċ-ċertifikati l-oħra.”

Kien għalhekk li l-Qorti li kienet preseduta mill-Maġistat Brigitte Sultana ordnat li jinbidel l-isem ta’ omm il-mejta kemm minn fuq iċ-ċertifikat tat-twelid ta’ Angela u anke minn fuq iċ-ċertifikat taż-żwieġ. Tordna li ommha tiġi mniżżla bħala “Anna” kif fil-fatt hija mniżżla fiċ-ċertifikat tat-twelid tagħha.

B’dan il-mod, issa wlied Angela Cauchi, wara xhur sħaħ jistgħu jirreġistraw lil ommhom mal-awtoritajiet Maltin bħala mejta.

Ekonomija

Sport