Sunday, November 24, 2024

Minn £190 għal £13,000 f’kont tal-enerġija f’lejl wieħed

Aqra wkoll

Koppja Skoċċiża baqgħu ċċassati wara li l-kont tal-enerġija tagħhom minn kreditu ta’ £189.99 f’daqqa waħda tela’ għal debitu ta’ £13,000 mil-lejl għan-nhar.

Il-koppja Stewart Neely, ta’ 54 sena, u martu Gayle ta’ 48 sena kienu normalment iħallsu £156 fix-xahar għall-gass u l-elettriku lill-kumpanija OVO Energy, li din is-sena kienet ikklassifikata t-tieni fost l-agħar fornituri għas-servizz tal-konsumatur.

Iżda wara li qara l-ismart meter li kien għadu kif ġie installat, Steward Neely sab li minn kreditu ta’ £189.99 il-kont tela’ għal £13,037.71 fi spazju ta’ lejl wieħed.

Stewart li huwa uffiċjal tal-pulizija fil-belt ta’ Kilmarnock fl-Iskozja stqarr li huwa dejjem żamm għajnejh fuq il-kreditu tal-kont tiegħu imma minn ftit taż-żmien ‘il hawn kien attent iktar mill-qrib fuq il-kontijiet tal-enerġija minħabba l-ispejjeż li qed jogħlew.

Il-ġimgħa l-oħra huwa ċċekkja l-kont online u rriżultalu li kellu jagħti £189 kif kien normali. Madankollu, it-Tlieta li għadda ċċekkja u bl-ikbar skantament skopra li l-kont kien juri li kellu £13,000 f’dejn.

Minkejja li kellem lill-kumpanija biex jitlob li d-dejn jiġi revokat, ir-risposta li ingħata kienet sempliċiment jekk iridx iħallas l-ammont sħiħ bit-telefown.

Il-koppja Steward sostnew li l-qari tal-meter preċedenti tagħhom ġie mibdul biex jirrifletti l-kont ferm ogħla.

Huma ħassew li ma kellhomx għażla ħlief li jikkuntattjaw lill-istampa biex jgħinuhom jisfidaw id-dejn.

Gayle żvelat li kellha telefonata sabiħa minn OVO Energy biex tgħid li l-problema ġiet rranġata u biex tgħid ukoll li ġie miżjud kreditu ta’ £150 fil-kont tagħna bħala ġest ta’ rieda tajba.

Jirriżulta li d-diskrepanza fil-kont kien tort ta’ wieħed mill-aġenti tal-kumpanija li kien ħallat il-qari tal-elettriku ma’ dak tal-gass.

Il-kiumpanija OVO Energy tissuplixxi l-enerġija lil 4.5 miljun klijent minn madwar ir-Renju Unit.

Sport