Saturday, May 3, 2025

Minn art mitluqa għal ġnien mimli ħajja f’Santa Luċija

Aqra wkoll

F’Santa Luċija, sit li qabel kien mitluq u mhux aċċessibbli għall-pubbliku ngħata l-ħajja minn Project Green u se jitgawda minn madwar 5,000 resident li jgħixu fil-viċin tiegħu. Dan is-sit, li jkopri medda ta’ madwar 2,300 metru kwadru, ġie mibdul fi spazju miftuħ mill-isbaħ, imsejjaħ Ġnien l-Iskultura.

Waqt l-inawgurazzjoni, il-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli qalet kif dan il-proġett hu xhieda tal-ħidma li qed tissarraf fi spazji ħodor ta’ kwalità fil-komunitajiet tagħna.

“Naf kemm din iż-żona hija għal qalb ir-residenti ta’ Santa Luċija u nħares ’il quddiem li jitgawda dan il-ġnien. Se nkomplu bil-ħidma biex noħolqu aktar spazji miftuħa għal residenti f’kull lokalità. Project Green bħalissa għaddejja b’ħidma minn wara l-kwinti biex fil-ġimgħat u xhur li ġejjin tagħti bidu għal bosta proġetti. Lil hinn mix-xogħol li tagħmel Project Green, dan il-ġnien jingħaqad mal-bqija ta’ spazji miftuħa li ftaħna mill-bidu tal-leġislatura – issa 59, inkluż 39 ġnien u park, u 20 wied. Ġnien l-Iskultur huwa t-tieni ġnien li għamilna f’Santa Luċija hekk kif Ambjent Malta ħolqot Ġnien Sembjożi s-sena li għaddiet,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.

B’investiment ta’ aktar minn miljun ewro, saru bosta interventi hekk kif ġew installati strutturi msejsa fuq prinċipji Orjentali sabiex din iż-żona ġdida, tikkumplimenta dik ġa eżistenti biswit. Fost l-elementi distinti f’dan il-ġnien wieħed isib pont tal-ħadid u li jaqsam vaska tal-ħut bil-Koi, li huma speċi ta’ ħut assoċjati mar-reġjun Ażjatiku. Dan il-pont, kif ukoll fil-bqija tal-ġnien, intuża l-kulur aħmar li huwa meqjus bħala kulur li jelimina l-enerġija negattiva u jattira l-ferħ u l-prosperità. Bħala parti mill-proġett tħawlu 38 siġra.

Ġnien l-Iskultura jinsab biswit Ġnien is-Serenità, jew kif inhu magħruf aħjar, il-Ġnien taċ-Ċiniżi, f’Santa Luċija.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport