Monday, December 23, 2024

“Minn dejjem kienet ix-xewqa tiegħi li nservi lin-nies” – Alison Zerafa Civelli

Aqra wkoll

F’Diċembru li għadda, is-Sindku ta’ Bormla Alison Zerafa Civelli ħabbret fuq il-profil soċjali tagħha fuq Facebook li kienet se tikkontesta l-elezzjoni ġenerali mal-Partit Laburista fit-tieni distrett.

“F’ħajti, kull għażla u kull pass li għamilt, għamiltha magħkom.

Ta’ tifla, dejjem għallimtuni x’inhi komunità li tieħu ħsieb lil kulħadd, u ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura.

Ta’ mara, bħala għalliema, Sindku, u attivista, dejjem għamilt ħilti biex dak li għallimtuni intom, inwettqu fil-prattika, għall-ġid tal-familji tagħna.

Kif stajt allura niċħad is-sejħa tagħkom u tal-Partit Laburista biex issa nagħmel pass ieħor, u naħdem għad-distrett sħiħ tagħna?

Ghalhekk, b’umiltà, illum qed inħabbar uffiċjalment li se nkun qed nikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali li jmiss, fuq it-tieni distrett.

Dan il-pass, bħall-bqija tal-mixja ta’ ħajti, se nkomplu nagħmluh flimkien.”

It-tieni distrett jikkonsisti minn seba’ lokalitajiet u dawn huma l-Birgu, l-Isla, Bormla, Ħaż-Żabbar, parti minn Fgura, Kalkara, and Xgħajra.

Talk.mt ħadet l-okkażjoni sabiex tiltaqa’ mas-sinjura Zerafa Civelli u ssir taf aktar dwar l-idejat tagħha bħala kandidata f’isem il-Partit Laburista.

Alison Zerafa Civelli hi t-tieni wild minn ħames aħwa fosthom Lydia l-mara tal-Prim Ministru Robert Abela. Hi miżżewġa lir-raġel tagħha Christian u għandhom tifla ta’ ħames snin bl-isem ta’ Carla. Hi ssemmi b’mod partikolari lil ommha Manuela u missierha Anthony li tant għamlu għalihom meta kienu għadhom żgħar.

“Il-ġenituri tiegħi kienu miegħi u ma’ ħuti f’kull mument tat-tfulija u ż-żgħożija tagħna u sal-lum. Kienu jgħinuna fix-xogħol tad-dar, dejjem raw li ma jonqosna xejn u apparti minn hekk dejjem tawna pariri siewja.”

Zerafa Civelli ilha sservi bħala Sindku ta’ Bormla għal dawn l-aħħar tmien snin. Għaliha dan ħalla impatt kbir mhux biss f’ħajjitha iżda wkoll fil-karriera tagħha.

Ritratt: Alan Saliba

“Minn dejjem kont inħobb lil din il-belt għax minbarra li trabbejt hawnhekk, kont involuta f’numru ta’ għaqdiet volontarji fosthom f’Dar it-Tama fejn għent bosta nies. Ghalhekk kienet xi ħaġa awtomatika li noħroġ għall-kunsill lokali ta’ Bormla. Fl-2009 servejt bħala viċi-sindku sabiex erba’ snin wara ġejt maħtura bħala Sindku ta’ din il-belt tant għal qalbi.”

Alison Zerafa Civelli tgħid li fl-ewwel xhur tagħha f’din il-kariga riedet twettaq ċerti riformi fosthom is-servizz tat-trasport b’xejn lill-anzjani li bdew isibuha diffiċli sabiex jivjaġġaw minn post għall-ieħor anke minħabba t-turġien twal li hemm fil-lokalità; anzjani li jkollhom xi qadjiet ta’ kuljum fosthom imorru sal-bank, il-poliklinika u anke biex jisimgħu l-quddies. Wara li poġġejna dan il-ħsieb fuq applikazzjoni maħruġa minn Transport Malta, il-Kunsill Lokali ta’ Bormla rebaħ il-fondi sabiex tiġi mwettqa din l-idea.  L-anzjani Bormliżi għadhom sal-lum il-ġurnata moqdija bl-aqwa mod fil-lokalità tagħhom. Dan il-mudell tant intgħoġob li kien hemm anke lokalitajiet oħra li saqsew kif jistgħu jagħmlu sabiex dan is-servizz ikun jista’ jiġi applikat anki hemm.  Illum il-ġurnata bosta bliet u rħula oħra imxew fuq dan il-mudell li beda propju mill-Kunsill Lokali ta’ Bormla immexxi minn Zerafa Civelli.

Saqsejna lis-sindku ta’ Bormla dwar it-transizzjoni li jista’ jkun li sseħħ f’ħajjitha fejn minn aspett lokali se tkun qed timraħ lejn dak nazzjonali anke għax hi ħierġa bħala kandidata fl-elezzjoni li jmiss.

“Kien pass li domt naħseb fuqu filwaqt li ddiskutejt dan kollu mal-familja tiegħi. Dawn tal-aħħar inkoraġġewni sabiex nagħmel dan il-pass u kien għalhekk li għamilt il-kuraġġ u se nikkontesta l-elezzjoni li jmiss fuq it-tieni distrett.”

“Kollox beda meta bdejt nara li kien hemm ħafna nies oħra li bdew ikellmuni,  nies li bdew iħeġġuni nagħmel dan il-pass u kien għalhekk ukoll li ħadt din id-deċiżjoni importanti.”

Apparti li hi attivista u sindku, Zerafa Civelli hi wkoll edukatriċi filwaqt li bħalissa qed tmexxi Ċentru ta’ tagħlim u sapport fi ħdan il-kulleġġ Santa Margerita f’Bormla.

Hi tgħid li l-edukazzjoni hu qasam ferm għal qalbha u hija gradwata b’Baċċellerat u Masters Degree fl-edukazzjoni.  Ghallmet ghal bosta snin f’ livell primarju u issa qed isservi f’ livell sekondarju.  Tul il-karriera professjonali tagħha hija ltaqgħet ma’ diversi tfal li kienu ġejjin minn sfond soċjali u li joffru sfidi kbar. Hi sostniet li riedet timraħ f’dan is-suġġett u bla ma qagħdet taħsibha ħafna, iddeċidiet li tkompli tistudja u tagħmel Masters Degree fl-edukazzjoni li jiffoka fuq diffikultajiet soċjali, emozzjonali u ta’ imġieba fi tfal. L-għan tagħha kien li tgħin lit-tfal tal-klassi tagħha bl-aqwa mod; lil kull tifel u tifel anki lil dawk it-tfal li riedu aktar imħabba u attenzjoni. Riedet tara lil dawn it-tfal jimxu aktar ‘il quddiem u grazzi għal dan il-kors tgħallmet diversi metodi sabiex tagħmel il-ħajja u l-esperjenza edukattiva tagħhom aħjar.

“Illum il-ġurnata mmexxi dan iċ-ċentru ta’ tagħlim li jagħti għajnuna holistika lil diversi studenti tfajliet. Apparti s-suġġetti bażiċi, iċ-ċentru joffri lezzjonijiet ta’ hairdressing u sbuħija, sport, arti, tisjir u mużika.  B’xorti tajba qed naraw dawn l-istudenti kuntenti f’dan l-ambjent u dan kollu jimlieni b’sodisfazzjon kbir.”

Hekk kif erġajna dawwarna ħarsitna lejn il-politika, talk.mt staqsiet lil Zerafa Civelli kif tħajret tinvolvi ruħha f’dan il-qasam.

“Sa minn meta konna għadna żgħar, il-ġenituri tagħna konna narawhom jixtru l-gazzetti kuljum u jsegwu x’ikun ghaddej.  Il-ħin tat-tmienja ta’ filgħaxija dejjem kien ikun sagru għal missieri għax kien il-ħin li jisma’ u jara l-aħbarijiet. Aħna drajna f’dan l-ambjent u fl-istess ħin jien bdejt ninteressa aktar ruħi f’dak kollu li tinvolvi l-politika u l-hajja ta’ kuljum. Jien naraha li l-politika hu servizz lejn in-nies, li tagħmel il-ħajja tagħhom aħjar milli hi.”

Iżda mistoqsija oħra li kienet naturali għalina li nsaqsuha hi kif jirnexxielha tlaħħaq ma’ dawn id-doveri kollha, aktar u aktar meta hi għandha l-familja tagħha.

Hi tgħidilna li l-ġurnata fiha 24 siegħa u hi tipprova tużahom kollha kemm jista’ jkun. Għalkemm huwa mportanti li talloka l-ħin għall-irqad, xorta waħda jkun hemm granet fejn forsi tnaqqas xi siegħa ‘l hemm u ‘l hawn minnu sabiex tilħaq tlesti dak ix-xogħol li jkollha pendenti. Minkejja kollox, qatt ma naqset mill-ħin tagħha lejn ir-raġel u t-tifla Carla, anke għax il-hinijiet tax-xogħol tagħha ta’ sindku huwa aktar flessibbli.

Ix-xewqa tagħha li kieku kellha tkun fil-parlament hi dik li tisma’ lin-nies u tara li l-ħajja tagħhom tkun aktar komda milli hi illum – li taqdi lin-nies!

Finalment Zerafa Civelli tagħti ħarsa lejn il-Partit Laburista li tant hu għal qalbha.

“Dan hu partit li fejn żbalja dejjem ammetta, partit li dejjem jisma’ n-nies.  Partit li dejjem lest jiġġedded u jġedded permezz ta’ riformi li jkabbru u jkomplu jiżviluppaw lil pajjiż. Il-partit laburista huwa l-partit li lest li jkompli jmexxi lil Malta fis-snin li ġejjin għax dejjem kien minn ta’ quddiem sabiex itejjeb il-kwalita’ tal-ħajja tan-nies f’kull sens u f’ kull qasam.”

Ekonomija

Sport