Wednesday, August 13, 2025

‘Minn din l-esperjenza l-ġdida ma’ Valletta FC diġá qed nitgħallem ħafna u ċert li se nitgħallem ħafna iktar’ – Thomas Melillo

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?

Bdejt nilgħab il-futbol ta’ etá żgħira ħafna, u dejjem kelli xi ballun id-dar biex nilgħab. Missieri kien ħadni l-grawnd tal-Melita biex nagħmel xi sessjoni ta’ taħriġ, u minn hemm komplejt nilgħab.

Ħa mmur mal-ewwel għall-punt. Kif qed tħares lejn l-esperjenza ġdida tiegħek ma’ Valletta FC?

Minn din l-esperjenza l-ġdida diġá qed nitgħallem ħafna u ċert li se nitgħallem ħafna iktar. Ovvjament naf il-livell u l-kwalitá li hawn, u rrid nitħabat kuljum biex nipprova nirbaħ posti fit-tim. Valletta FC ukoll huwa l-ikbar klabb f’Malta, u s-sapport li hemm huwa inkreddibli … awtomatikament jagħtuk dik il-motivazzjoni biex tirbaħ kull logħba, li hija xi ħaġa sabiħa ħafna.

X’tikkummenta fuq l-esperjenza passata tiegħek ma’ Pietá Hotspurs FC, u kemm tgħallimt minnha?

Pietá għenuni minn dejjem biex ma naqax f’’comfort zone’, billi tellgħuni nilgħab mat-tim tal-kbar ta’ etá żgħira. Urew il-fiduċja fija, speċjalment il-Kowċ Manuel Caruana, u tawni ċ-ċans nilgħab ‘senior football’, li kien importanti ħafna għall- karriera tiegħi. Bħala nursery dejjem kelli kowċis dedikati, u li kienu lesti jgħinuni f’dak kollu li kelli bżonn, u għal dan nirringrazzjahom minn qalbi!

Iddeskrivi l-esperjenza preżenti tiegħek mat-tim nazzjonali Malti ta’ taħt id-19-il sena.

Is-sena l-oħra kont lgħabt ma’ sena ikbar fil-European Qualifiers tal-U19, fejn irnexxielna niksbu tliet punti barra minn darna. Din kienet xi ħaġa ta’ sodisfazzjon, imma sfortunatament ma rnexxielniex ngħaddu għar-rawnd sussegwenti. Issa issa ġejjin l-Qualifiers tal-kategorija ta’ etá tiegħi, u ħa nagħmlu minn kollox biex niksbu kemm nistgħu punti u ngħaddu mill-grupp.

Kif tqis il-livell tal-futbol Malti fil-preżent?

Il-livell tal-futbol Malti, inħoss li żdied f’dawn l-aħħar snin, iżda nemmen li hemm ħafna xogħol li għad irid isir biex nippruvaw innaqqsu d-distakk bejn pajjizi ohrajn.

U dak tar-riżorsi (grawnds) fejn tilagħbu l-logħob kompetittiv tagħkom?

Is-sena l-oħra konna nilagħbu s-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium, u nemmen li t-tnejn li huma huma grawnds tajbin. Il-bqija, ma tantx hemm grawnds tajbin hawn Malta, u din hija problema kbira.

Kif qed tħares lejn il-futur tiegħek fil-futbol?

Il-ħolma tiegħi hija li xi darba nilgħab mat-tim nazzjonali Malti, kif ukoll barra minn pajjiżna.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.

Biex tagħmel success fil-futbol trid tkun lest tagħmel ħafna sagrifiċċji, u dejjem trid tagħmel dik il-xi ħaġa ‘extra’ biex tkun aħjar mill-oħrajn, inkella ħa tibqa’ plejer normali!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport