Monday, February 2, 2026

Minn Dublin għaċ-Ċirkewwa… bla kummenti

Aqra wkoll

Daqsxejn ta’ rakkont fattwali li esperjenzajt jien nhar il-Ħamis, 22 ta’ Jannar li għadu kemm għadda.

Ħin: 5.40 p.m. Ġbart lin-neputi mill-ajruport li kien għadu kemm wasal minn Dublin, l-Irlanda, wara titjira normali ta’ tliet sigħat u 45 minuta. Tlaqna lejn Ħaż-Żebbuġ.  

Ħin: 6.00 p.m. Ġbarna xi affarijiet u tlaqna minn Ħaż-Żebbuġ lejn iċ-Ċirkewwa.

Ħin: 6.53 p.m. Wasalna ħdejn ir-roundabout li jekk iddur magħha tieħdok lejn il-Marfa. Dik li faċċata tagħha hemm binja ħamra, binja kbira mitluqa.

Ħin: 9.58 p.m. (tliet sigħat u ħames minuti wara!!!!!!!!!) tlaqna miċ-Ċirkewwa lejn Għawdex. Din l-aħħar parti tar-rakkont esperjenzawha bħalna mijiet ta’ nies.

Staqsejt kemm kien hemm vapuri qegħdin jaħdmu. Qaluli li kien hemm żewġ vapuri jaħdmu, ‘MV Malita’ u ‘MV Ta’ Pinu’. Il-vapur ‘MV Gaudos’ qiegħed it-tarzna għall-manutenzjoni regolari u ‘MV Nikolaos’ marbut mal-moll għax dak jaħdem 12-il siegħa biss.

Sadattant il-parti tat-terminal taċ-Ċirkewwa, dik li minnha l-karozzi jitilgħu fuq il-vapuri, ippakkjata karozzi flimkien ma’ serbut karozzi oħra jistennew fit-triq. Li nista’ ngħidlek aktar dan is-serbut karozzi kien jaqbeż sew ir-roundabout li semmejtlek aktar qabel. S’hemm stajt nara.

Ħin: 10.40 p.m. Inżilna minn fuq il-vapur.

Kif għidtlek fit-titlu: ‘Minn Dublin għaċ-Ċirkewwa bla kummenti’. Sempliċiment fatti.

Il-kummenti se nħallihom, u nistennihom, mingħand min hu responsabbli amministrattivament għat-traġitti tal-Gozo Channel u mingħand min hu politikament responsabbli għall-kumpanija Gozo Channel.

[email protected]

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport