Wednesday, July 24, 2024

Minn elezzjoni għal oħra

Jikteb Evarist Bartolo

Aqra wkoll

Meta jkun hemm ħuġġieġa li tista’ tagħmel ħafna ħsara, aħjar nitfgħu l-ilma fuqha, flok iżjed ħatab. F’kampanja elettorali li f’pajjiżna għandha ħabta tkun kuljum, minn elezzjoni għall-oħra, spiss jintefa’ l-ħatab. Bħalissa ġmielha taqbad il-ħuġġieġa, b’ħafna tgħajir u kliem goff fejn il-partiti ewlenin iqisu lil xulxin fi gwerra totali kontra xulxin u jakkużaw lil xulxin bl-aktar mod feroċi kemm jifilħu. Jiddispjaċini nara lill-poplu tagħna mifrud daqshekk. Għandna ħabta nużaw ħafna mill-enerġija tagħna kontra xulxin flok biex niffaċċjaw l-isfidi li għandna biex nimxu ‘l quddiem u nkomplu ntejbu l-ħajja tal-poplu tagħna.

Sfidi qawwija

Għandna sfidi qawwija biex naraw li s-servizzi pubbliċi tal-ilma, dawl, drenaġġ, saħħa u edukazzjoni jlaħħqu mal-popolazzjoni u dawk li jżuruna. Għandna sfidi qawwija biex inġeddu l-ekonomija tagħna biex f’ċirkustanzi dinjin u Ewropej nibqgħu noħolqu l-ġid meta ma nistgħux nibqgħu nużaw l-għodda li s’issa wżajna b’suċċess, bħat-taxxa per eżempju. Għandna sfidi qawwija biex nieħdu b’ħafna iżjed serjeta’ t-tfassil ta’ liġijiet u deċiżjonijiet fl-Unjoni Ewropea. Jekk isiru mingħajr ma nagħmlu minn kollox biex nieħdu ħsieb il-bżonnijiet tagħna, issirilna ħsara u nmorru lura.

Għandna sfidi qawwija biex inħarsu n-newtralita’ militari tagħna meta qed jittieħdu passi biex nidħlu fil-ħidma militari tal-Unjoni Ewropea u tan-NATO. Għandna sfidi qawwija biex naddattaw lill-pajjiżna jista’ jgħix u jaħdem f’temp iżjed sħun u niexef mill-klima Mediterranja li tlifna. Għandna sfidi qawwija kif se nitgħallmu ngħixu flimkien meta l-poplu Malti se jkompli jiċkien għax qed jitwieldu inqas Maltin u se jkomplu jiżdiedu n-nies ġejjin minn pajjiżi oħra li mingħajrhom pajjiżna jieqaf. Għandna sfidi qawwija kif b’sinċerita’ u b’umilta’ nitgħallmu mill-iskandli politiċi li kellna f’kull gvern s’issa flok naraw biss tan-naħa l-oħra. 

Inħottu flok nibnu

Flok inħabblu rasna u naraw kif naħdmu flimkien u nattakkaw dawn l-isfidi qawwijin, aktar faċli nattakkaw lil xulxin bit-tribaliżmu partiġġjan li mdorrijin bih. Ħsibt dwar dan kollu fit-tliet ijiem li qattajt f’Palermo ftit ilu mistieden nitkellem f’konferenza kif nistgħu naħdmu flimkien aħjar mill-Unjoni Ewropea mal-pajjiżi tal-Mediterran u tal-Lvant Nofsani.

Mhu faċli xejn fi żminijiet fejn ukoll bejn pajjiż ieħor nippreferu l-gwerra u nqisu lil xulxin bħala għedewwa flok naraw li naħdmu flimkien fl-isfidi kbar li qed jheddu l-futur tal-umanita’ kollha, bħall-bidla fil-klima u l-gwerra nukleari. Inħobbha l-belt ta’ Palermo. Iġġibli tifkiriet meta ġejt nagħmel xogħol volontarju 50 sena ilu ftit ‘il bogħod mill-belt. Imma ssewwidli qalbi. Inħossni qed inżur belt li kienet fost l-aktar avvanzati (800 sena ilu) u issa kriehet, tħammġet u ntelqet.

Palermo kienet tmexxina. Illum la tmexxi lilna u lanqas wisq lilha nnifisha għax id-deċiżjonijiet ewlenin dwarha jittieħdu ‘l bogħod u mingħajrha. Mhux ta’ b’xejn li l-livell tal-għixien f’Malta huwa aħjar minn dak ta’ Palermo. Biżżejjed issir taf li 38 fil-mija ta’ dawk bejn 15 u 29 sena f’Palermo mhuma fl-ebda tip ta’ xogħol, taħriġ jew edukazzjoni. Bin-nuqqasijiet kollha tagħna f’Malta ż-żgħażagħ jinsabu aħjar.

Flok naraw kif negħelbu n-nuqqasijiet u naraw kif intejbu l-ħajja għaż-żgħażagħ tagħna biex ma jkunux iridu jitilqu minn Malta għal raġunijiet differenti minn dawk ta’ Palermo, ninfexxu f’xulxin u nipperikolaw u nħottu dak li fl-aħħar 60 sena bnejna b’tant sagrifiċċji.

Il-ftit proposti bis-sens għall-ġid tal-poplu tagħna fl-irħula u bliet tagħna u kif nieħdu ħsieb aħjar l-interessi tagħna fil-Parlament Ewropew huma eklissati għal kollox mill-istorbju u d-duħħan tal-gwerra elettorali li fil-jiem li ġejjin tasal fi tmiemha. Sakemm tibda’ kampanja elettorali oħra. Wieħed mid-difetti l-kbar tad-demokrazija kompetittiva hu li naħsbu biss għall-elezzjoni li ġejja, meta ħafna affarijiet biex isiru bis-serjeta’, jieħdu iżjed fit-tul u ma tarax il-frott tagħhom fi ftit snin ta’ leġiżlatura. Għalhekk naħlu ħafna riżorsi u enerġija fuq dak li jidher, fuq il-qoxra, fuq il-pubbliċita’, fuq ir-ragħwa u mhux fuq is-sustanza. Għalhekk ninsabu fi kriżi fl-Ewropa u fl-Istati Uniti għax m’aħniex naħsbu fit-tul fuq dak li qed nagħmlu.

U hekk nibqgħu niċċaqalqu bl-iskossi. Dejjem naħsbu fil-qasir u għal-lum. Qisna kollox se jispiċċa magħna u mhux se jkun hawn oħrajn jgħixu warajna. Għadhom ma twieldux iżda dak li qed nagħmlu llum se jeffettwalhom ħajjithom u aħna ma jimpurtaniex kif se jintlaqtu. Hemm għalfejn inkunu daqshekk egoisti li ħsiebna biss fl-interessi tagħna u ma naħsbux f’għada u f’ta’ warajna?

Ekonomija

Sport