Saturday, October 26, 2024

MINN ELIŻABETTA II GĦAL KARLU III

Aqra wkoll

Għalkemm kienet qed taffaċċja kundizzjonijiet mediċi, il-mewt tar-Reġina Eliżabetta II ħasdet lid-dinja kollha. Hija kienet l-aktar renjanta li damet fuq it-tron. 70 sena Reġina huwa diffiċli biex jintlaħaq minn monarka ieħor hu fejn hu. Iżda hawn tidħol il-mistoqsija għalfejn baqgħet reġina għal dan iż-żmien kollu.

Wieħed jistaqsi għaliex renju ta’ 70 sena. Għax riedet li tibqa’ sal-aħħar nifs ta’ ħajjitha? Għax forsi ma ratx li binha Charles għadu ma kienx preparat biex jieħu r-renju f’idejh? Dawn huma mistoqsijiet li l-istorja biss tista’ tweġibhom. B’danakollu tul dan iż-żmien ħalliet affaxxinu fuq Malta u l-poplu kollu. 

Irridu napprezzaw iż-żmien li r-Reġina qabel ingħatat ix-xettru għexet għal żmien ġewwa pajjiżna u b’hekk trabbiet ċertu rabta bejn Malta u r-Renju Unit. Għalhekk huwa ta’ min ifaħħar l-impenn ta’ Heritage Malta li wara snin ta’ abbandun, issa se tiġi restawrata Villa Guardamangia fejn għexet ir-Reġina Eliżabetta meta kienet għadha Prinċipessa. 

Għalhekk, Eliżabetta kellha rabta mill-qrib ma’ Malta. Mhux biss għaliex għal xi żmien għexet fostna imma wkoll għaliex għamlet 22 sena l-Kap tal-Istat Malti sakemm fl-1974 il-Parlament ta’ Malta iddikjara lil pajjiżna Repubblika. Minkejja dan l-iżvilupp kostituzzjonali ta’ pajjiżna, Malta żammet rabtiet mill-qrib u sodi mar-Renju Unit politikament u anke ekonomikament. 

Tant hu minnu dan li għal bosta snin is-suq Ingliż kien l-akbar suq turistiku għal pajjiżna. Ma nistgħux ukoll ma nsemmux li r-Reġina Eliżabetta II żaret pajjiżna f’sitt okkażjonijiet differenti, tnejn minnhom bħala l-Kap tal-pajjiżi tal-Commonwealth. L-aħħar żjara tagħha barra mir-Renju Unit kienet preċiżament f’Malta meta fl-2015 tlaqqa’ ċ-CHOGM f’Malta.

Nittamaw li anke wara l-mewt tar-Reġina Eliżabetta II, ir-rabtiet storiċi bejn Malta u r-Renju Unit jibqgħu sħaħ u profondi kif dejjem kienu, għall-ġid taż-żewġ pajjiżi anke jekk ir-Renju Unit m’għadux parti mill-Unjoni Ewropea. Minn dawn il-kolonni aħna nawguraw lill-Maesta Tiegħu, ir-Re Karlu III mhux biss li jkompli fuq il-legat li se tħalli warajha ommu, ir-Reġina Eliżabetta II imma wkoll li jkabbar u jsaħħaħ ir-relazzjonijiet tar-Renju Unit mal-kumplament tad-dinja, partikolarment pajjiżna li ommu tant tħobb. 

Sport