“Matul dawn id-disa’ xhur ta’ din il-leġiżlatura wrejna li dak li wegħedna wettaqnieh”. Saħaq dan il-Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, Michael Falzon, waqt konferenza tal-aħbarijiet li kienet tittratta l-pagamenti taċ-Children’s Allowance flimkien maż-żidiet li tħabbru iktar kmieni x-xahar li għadda waqt il-Baġit 2023. Il-Ministru Falzon ħabbar li għada, 17 ta’ Diċembru 2022, se jinħarġu pagamenti li jammontaw kważi għal €12-il miljun.
Permezz ta’ dan se tkun qed titwettaq waħda mill-wegħdiet tal-Manifest Elettorali tal-Partit Laburista hekk kif dan l-ammont ta’ €12-il miljun se jkun qed jirrifletti ż-żieda ta’ €90 fis-sena fiċ-Children’s Allowance, filwaqt li se jkopri wkoll il-ħlas taċ-Children’s Allowance tal-ewwel tliet xhur tas-sena d-dieħla. Il-Ministru Falzon fakkar li ż-żieda ta’ €90 hija żieda għal kulħadd, irrispettivament mid-dħul tal-individwu, u li matul dawn il-ħames snin ta’ leġiżlatura l-pubbliku se jkun irċieva żieda totali ta’ €450.
Il-Ministru Falzon spjega li s-Suppliment tal-Allowance tat-Tfal għas-sena d-dieħla żdied minn €17.50 għal €40 kull tliet xhur lil min ma jaqbiżx l-ammont ta’ €25,924, filwaqt għal min jaqbeż dan l-ammont, żdied minn €12.50 għal €35. Huwa fakkar ukoll li l-Allowance għal Tfal bi Bżonnijiet Speċjali din is-sena kien żdied minn €25 fil-ġimgħa għal €30 u li din ir-rata se tkompli titħallas ukoll għas-sena d-dieħla.
“Ħolqa oħra minn katina ta’ benefiċċji li dan il-Gvern mhux biss introduċa imma benefiċċji illi żied,” argumenta l-Ministru Falzon. Huwa fakkar li l-benefiċċji li jingħataw il-ġenituri mat-twelid tal-ulied – benefiċċju li kien introdott fl-2020, fejn familja tingħata bonus ta’ €300 li preżentament tela’ għal €400 – u dak tal-in-work benefit kienu introdotti minn dan il-Gvern u żiedhom dan il-Gvern. L-istess il-mekkaniżmu addizzjonali tal-COLA – li se jkun qed jingħata minħabba l-inflazzjoni u liema pagament ħa jirriżulta f’nefqa ta’ madwar €14-il miljun: introduċieh u wettqu dal-Gvern.
Fl-istess waqt fakkar ukoll li bis-saħħa tas-sistema awtomatika li għandna, m’hemmx għalfejn napplikaw għall-in work benefit għaliex kull min hu intitolat se jkun qed jirċievi ċ-ċekk b’mod awtomatiku.