Tuesday, December 24, 2024

Minn għada portal ġdid b’iktar minn 500 lezzjoni u attività għall-istudenti tal-etajiet bejn dawk bikrin u tmiem is-sekondarja

Aqra wkoll

Minn għada l-Ministeru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol se jkun qiegħed iniedi portal ġdid b’isem http://teleskola.mt, mimli b’iktar minn 700 lezzjoni u attività għall-istudenti kollha mis-snin bikrin sat-tmiem is-sekondarja.  

L-għan ta’ dan il-portal huwa li jagħmilha faċli għall-istudenti, l-ġenituri u l-għalliema sabiex isibu lezzjonijiet ta’ kull sena skolastika u ta’ kull suġġett b’mod faċli ħafna, permezz ta’ tliet klikks biss.  Bl-ewwel klikk tagħżel il-livell, imbagħad tagħżel is-sena u fl-aħħar tagħżel is-suġġett li tixtieq sabiex issib il-lezzjonijiet addattati għalik.  

Il-portal fih materjal addattat għat-tfal tal-kinder, għall-istudenti tal-primarja, tal-medja u tas-sekondarja, f’kull suġġett, mill-Malti u l-Ingliż sal-lingwi barranin,  mix-xjenza u l-matematika sal-kummerċ, mis-suġġetti vokazzjonali sas-suġġetti umanistiċi.  Wieħed ikun jista’ wkoll iħalli l-kumment tiegħu ħdejn kull lezzjoni sabiex jikkomunika mal-għalliema.  Il-portal fih minjiera ta’ tagħlim, stejjer diġitali, preżentazzjonijiet, handouts, vidjow clips,  u riżorsi oħra, marbuta mas-sillabi li jintużaw fl-iskejjel tagħna kollha, tal-Istat, tal-Knisja u Indipendenti.  

F’kummenti li ta lil dan il-ġurnal, il-Ministru għall-Edukazzjoni u x-Xogħol Dr Owen Bonnici qal li l-Ministeru mill-ewwel ġurnata tal-għeluq temporanju tal-iskejjel ra li jqiegħed riżorsi online sabiex l-istudenti u l-ġenituri jkunu jistgħu jagħmlu użu minnhom bl-iktar mod faċli.  Biss, mill-ewwel inħasset il-ħtieġa li jkun hemm prodott aħjar, kemm mil-lat ta’ faċilitajiet interattivi u iktar u iktar mil-lat ta’ kontenut u kien għalhekk li ġie prodott teleskola.mt

Dr Bonnici fakkar li l-Ministeru diġà ħoloq koperazzjoni max-Xandir Nazzjonali sabiex fuq TVM jixxandar qari għat-tfal,  u qal li teleskola.mt hu l-pass li jmiss għax jipprovdi portal multi-medjatiku relevanti għaż-żminijiet tal-lum.

Il-portal se jkun fih ukoll attivitajiet ħelwin, kompetizzjonijiet, krafts, drama u xjenza, li jinbidlu spiss u li għandhom jinżlu għasel mal-istudenti u l-ġenituri.  Ġenituri bi tfal dislessi jistgħu jużaw il-portal sabiex jikkomunikaw ma’ esperti sabiex jagħtuhom l-għajnuna fit-tagħlim ta’ wliedhom.  Il-portal fih ukoll l-għodda kollha meħtieġa sabiex l-istudenti, il-ġenitur jew l-għalliem jista’ jikkomunika faċilment b’mod diġitali permezz tal-MySchools, MS Teams, Skype jew għodod oħra. 

Dan il-portal huwa frott il-ħidma u d-dedikazzjoni  ta’ bosta edukaturi li fasslu, ħolqu u mlew dan il-portal, b’riżorsi li huma addattati għall-istudenti Maltin.  Permezz ta’ dan il-portal, uffiċjali edukattivi, kapijiet tad-dipartment u għalliema qegħdin għall-ewwel darba jaqsmu r-riżorsi tagħhom mal-istudenti kollha.  Il-portal se jkun wieħed ħaj li jinbidel ta’ spiss u jikber bl-għajnuna ta’ ħafna edukaturi li għandhom għal qalbhom it-tagħlim ta’ uliedna.  

Ekonomija

Sport