Thursday, March 6, 2025

Minn ħames kilometri wasalt sa maratona sħiħa – Heathcliff Vella

Aqra wkoll

Minn Cristian Muscat

Kif għażilt l-atletika fost minjiera ta’ sport ieħor?

Sfortunatament, jien m’għażiltx l-atletika bħala l-ewwel u l-uniku sport tiegħi. Bdejt nipprattika l-atletika madwar tmien snin ilu u nixtieq li kont imħeġġeġ u mħajjar li nibda dan it-tip ta’ sport qabel. L-istorja ta’ ħajti fl-isport bdiet hekk.

Minn meta kont daqsxejn ta’ tifel, u kont għadni fi żmien l-iskola primarja mill- ewwel beda jogħġobni l-futbol. Bdejt nilgħab ma’ Luqa Nursery minn età żgħira u bqajt sakemm kelli xi 17-il sena. Wara komplejt nilgħab 5-a-side football ma’ grupp ta’ ħbieb meta kienu introduċew il-grawnds sintetik, fejn konna niltaqgħu bħala ħbieb u ngħaddu siegħa żmien flimkien. Bqajt nipprattika dan l-isport tista’ tgħid sakemm kelli 32 sena u apparti l-futbol dejjem kont nipprattika xi tip ta’ sport ieħor fosthom it-tennis u anke kont għamilt xi sena nitħarreġ fil-boxing ukoll. Ir-raġuni li ma bqajtx nipprattika dawn it-tipi ta’ sport li semmejt qabel hi għax imbagħad bdejt nioprattika l-atletika. Kollox beda meta kont qed nitkellem ma’ ħabib tiegħi li kien jaħdem miegħi u hu kien jipprattika  l-atletika. Beda jgħidli kif jagħmel it-taħriġ u beda jħajjarni li nibda dan l-isport, tant li kitibni ġo tellieqa ta’ ħames kilometri. Dan kien f’Settembru tal-2017.

X’ħeġġek l-iktar biex tibda tipprattika dan l-isport?

Kif semmejt qabel kien ħabib tiegħi li daħħalni ġo tellieqa ta’ ħames kilometri. Dan kien f’Settembru tal-2017 . Peressli kont pjuttost attiv għax darbtejn fil-ġimgħa kont immur nilgħab il-futbol, ma kontx bsart li biex tagħmel tellieqa kienet daqshekk diffiċli. Vera ħassejtha diffiċli u niftakar li din it-tellieqa ta’ ħames kilometri kont għamiltha f’ xi 30 minuta. Fil-verità kont għamiltha f’daqshekk ħin għax ma kellix it-taħriġ adekwat. Niftakar li bdejt nara nies akbar minni fl-età għaddejjin qishom mhu qed jagħmlu xejn. Din naħseb interessatni aktar fuq dan l-isport  li m’hemmx età biex wieħed iżomm ruħu attiv u b’saħħtu. Wara dan kollu sieħbi kien introduċieni ma’ kowċ Olandiż bl-isem ta Has Kesra li huwa rinomat ħafna f’dan l-isport. Bdejt nitħarreġ dan l-isport ma’ dan il-kowċ u dejjem bdejt nitjieb fil-ħinijiet tellieqa wara tellieqa. Issa nista’ ngħid li sirt ‘addict’ għal dan l-isport u ġiet xi ħaġa li ma nistax ngħaddi mingħajrha!

Min kien dak il-persuna li ispirak biex tagħżel l-atletika?

Il-persuna li ispirani nagħżel l-atletika huwa Chris Mizzi. Dan huwa ħabib tiegħi li kien jaħdem miegħi u tant xtaqt u ridt li jien nibda dan l-isport  li qabad u daħħalni fl-ewwel tellieqa. Jien dejjem sibtu ta’ għajnuna f’dan l-isport kif ukoll barra mill-isport. Nista’ ngħid li wara l-ewwel tellieqa li kont għamilt bis-saħħa tiegħu, jien qatt ma ħarist lura u bqajt nipprattika l-atletika.

Ta’ kemm bdejt tipprattika l-atletika?

Bdejt f’Settembru tal-2017 fl-SVP5KM Race fejn kelli 32 sena.

Liema kien l-aħjar ħin tiegħek sa issa?

L-aħjar ħin fuq ħames kilometri s’issa huwa ta 16:45 u fuq l-għaxar kilometri huwa ta’ 34:54.

Nofs Maratona 1:16.42 u l-Maratona 2:48:35.

Fil-jiem li għaddew, ħadt sehem b’suċċess fil-Maratona ta’ Malta. Agħtina iktar dettalji.

Il-maratona hija distanza ta’ 42.195 li kull atleta jkun jixtieq jagħmel xi darba fil-karriera tiegħu għax bħala distanza hija diffiċli imma wkoll ta’ sodisfazzjon personali. Bħala distanza bħalma għidt qabel, tirrikjedi taħriġ apposta biex tkun preparat fiżikament u mentalment għax jiġuk mumenti fit-tellieqa li jekk ma tkunx preparat sew, ikun il-każ li ma tlestiex it-tellieqa kollha. Jien għamilt l-ewwel maratona tiegħi wara seba’ snin ta’ taħriġ u meta l-kowċ qalli li stajt nagħmilha kont vera eċitat u kont ksibt il-ħin ta’ 2:48:35 fit-tellieqa tal-Valencia Full Marathon.

Bħalma taf, m’ilux saret il-Maratona ta’ Malta ukoll, peressli kelli ħafna tlielaq u kont ġej mill- maratona ukoll f’Diċembru, għażilt li nagħmel in-Nofs Maratona din is-sena. Is-sena d-dieħla se nitħarreġ biex nagħmel il-Maratona ta’ Malta għax qatt m’għamiltha u nispera li tkun tellieqa tajba għall-karriera tiegħi u ta’ sodisfazzjon.

Fl-aħħar iżda u mhux l-inqas, nixtieq nirringrazzja lill-ħbieb tiegħi ta’ Evolve Endurance Club li nitħarrġu flimkien biex dejjem inkunu ppreparati għal tlielaq bħal dawn, għax nemmen li biex tkun aħjar bħala atleta, huwa importanti li tkun fi grupp u tissapportja lil xulxin.

Grazzi wkoll lill-mara u t-tifel tal-paċenzja ta’ kuljum waqt it-taħriġ tiegħi.

Il-media tagħtikom biżżejjed pubbliċità u exposure jew dan isir waqt kompetizzjonijiet importanti bħal mhuma l-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar?

Illum naħseb li hawn iktar exposure minħabba l-media soċjali bħall-Facebook eċċ., imma naħseb fuq it-televixin ma tantx jagħtu priorità lill-atletika, ħlief meta jsiru xi maratoni barra minn Malta.

Għandek xi ħolma li tixtieq tikseb fl-atletika?

Ifhem, bħal kull atleta ieħor, dejjem nixtieq li nnaqqas il-ħin tiegħi kemm jista’ jkun biex dejjem niġi aħjar fil-klassifika, u wara li għamilt żewġ maratoni, nixtieq nikser l-aqwa ħin tiegħi f din distanza li tant trid tkun preparat għaliha ta 42.20KM.

X’sagrifiċċji / commitments jinvolvi l-isport li int tipprattika?

Is-sagrifiċċji huma bosta biex wieħed jipprattika dan l-isport. Nibda biex insemmi t-taħriġ li trid tagħmel. Jien ikolli sitt darbiet fil-ġimgħa jew aktar u taħriġ u nkun irrid nagħmlu wara jew qabel l-ħin tax- xogħol. Allura, bħal kull atleta ieħor, tkun trid issib bilanċ bejn il-familja, ix-xogħol u t-taħriġ. Apparti t-taħriġ, tkun trid toqgħod lura minn ċertu ikel u trid iżżomm dieta bilanċjata biex dejjem tkun fl-aħjar forma possibli. Nemmen li xi ħaġa importanti ħafna li hija li n-nies qrib tiegħek jifhmu x’inti tagħmel għax nemmen li waħdek qatt ma tista’ tirnexxi. Jien insib ħafna sapport mill-mara tiegħi u kieku ma naħsibx li kont nasal fejn wasalt mingħajr dan is-sapport.

Għalkemm l-atleti li tikkompeti magħhom huma wkoll ħbieb tiegħek, ninsab persważ li jidħol ukoll ċertu sens ta’ kompetizzjoni fejn wieħed ikun irid jikseb ħin aħjar mill-ieħor. Il-kummenti tiegħek.

Ifhem, dejjem ħa jkun hemm dik in-naqra ta’ kompetizzjoni bejn l-atleti imma wara tellieqa dejjem nerġgħu ningħaqdu flimkien bħala ħbieb u ngħidu prosit lil xulxin. Jien ngħid għalija m’ hemmx klabb jew ieħor – ħabib ma’ kulħadd u li nagħmel nagħmlu għalija. Huwa sodisfazzjon għalija stess li jien nikseb ħinijiet aħjar. Jien iktar narah bħala sport li aħna l-atleti nieħdu pjaċir flimkien, ġieli anke nitħarrġu flimkien, ngħinu lil xulxin u naħdmu għat-tellieqa li jmiss. Nista’ ngħid li kemm ilni nipprattika dan l-isport għamilt ħafna ħbieb ġodda.

X’kompetizzjonijiet prinċipali se tieħu sehem fihom fil-futur qrib?

Nixtieq nagħmel ilMmaratona ta Malta. S’issa ħadt sehem f’żewġ maratoni, tnejn ġo Valencia u bħala ħin għamilthom f’ħin ta’ 2:48:35 fis-sena 2023 u f’ħin ta’ 2:49:22 fis-sena 2024.

Għaddi messaġġ finali lil dawk it-tfal u / jew żgħażagħ li qegħdin jaħsbuha bis-serjetà li jibdew jipprattikaw l-atletika.

Bħal m’għidt qabel jien bdejt l-atletika ta’ 32 sena. Veru li dejjem kont f’xi tip ta’ sport imma naħseb li kieku kelli nerġa’ nitwieled mill-ġdid kont nagħżel dan l-isport qabel għax vera għallimni l-valuri fl-isport innifsu u anke fil-ħajja ta’ kuljum. Jien inqis l-atletika bħala sport ddixiplinat kif ukoll tajjeb għas-saħħa fejn fih tagħmel ħafna ħbieb ġodda.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport