Mill-1 ta’ Jannar 2026, it-tipjip fil-Bajja tal-Mixquqa (Golden Bay) f’Malta u fil-bajja tar-Ramla l-Ħamra f’Għawdex se jkun permess biss f’żoni apposta.
Waqt l-għeluq tal-kampanja Saving Our Blue Summer Edition, il-Ministru għall-Ambjent Miriam Dalli u l-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela ħabbru li kwalunkwe tipjip se jkun ipprojbit fil-bajjiet, b’tipjip permess biss f’żoni żgħar immarkati apposta fejn se jkun hemm ashtrays li jkunu qed jitnaddfu kontinwament.
Il-loqom tas-sigaretti, il-lighters, u l-iskart tat-tabakk huma fost l-aktar skart miġbura minn fuq il-bajjiet, li jheddu kemm l-annimali tal-baħar kif ukoll is-sbuħija tal-ambjent naturali ta’ Malta.
“Din il-miżura hija xi ħaġa li tqanqlet kemm-il darba f’laqgħat li kelli mat-tfal. Hija miżura ambjentali li tindirizza l-loqom tas-sigaretti li jispiċċaw fil-baħar u li jdumu ħafna biex jiddiżintegraw u allura tista’ twassal għal ambjent kostali aktar b’saħħtu. B’dan il-pass, Malta issa qed tingħaqad ma’ pajjiżi oħra li daħħlu restrizzjonijiet ta’ dan it-tip. Dan huwa mod ieħor kif qed nipproteġu l-ambjent marittimu tagħna għal ġid komuni,” qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Jo Etienne Abela ddeskriva dan il-proġett pilota bħala l-ewwel pass importanti biex jiġi promoss ambjent mingħajr tipjip f’żoni pubbliċi miftuħa. “Dawn ir-restrizzjonijiet huma allinjati mal-qafas ġdid tal-politika tal-Ministeru tagħna li għandu l-għan li jnaqqas it-tipjip sabiex jiġu evitati mard mhux trasmessibbli. Barra minn hekk, se nkunu qed nagħmlu dan waqt li nħarsu wkoll l-ambjent,” qal Dr Abela.
L-infurzar se jsir permezz ta’ kollaborazzjoni bejn l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, id-Dipartiment tas-Saħħa, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, il-LESA u l-Korp tal-Pulizija ta’ Malta. Dawk li jiksru l-liġi se jeħlu multa ta’ €150.
Din il-miżura tħabbret waqt attività pubblika organizzata mill-Ministeru għall-Ambjent b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol (MFA). Din l-attività ġabet fi tmiemha l-kampanja Saving Our Blue Summer Edition u mmarkat it-tnedija tal-Jiem ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli ta’ Malta, bit-tema “L-Azzjonijiet Tiegħek, il-Futur Tagħna”.
L-attività għall-familji kienet tinkludi logħob interattiv, workshops kreattivi, prestazzjonijiet live, u attivitajiet sportivi; kollha jippromwovu stil ta’ ħajja attiva u sostenibbli.
Matul l-attività kien hemm stands ta’ informazzjoni u wirjiet interattivi minn entitajiet fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent li wrew modi prattiċi biex wieħed jiffranka l-ilma, inaqqas l-iskart, itejjeb l-effiċjenza fl-enerġija u jippromwovi stil ta’ ħajja sostenibbli.
Il-jiem ta’ Azzjoni għall-Iżvilupp Sostenibbli bdew mit-18 ta’ Settembru u se jibqgħu għaddejjin sat-8 ta’ Ottubru, flimkien mal-Ġimgħa Ewropea għall-Iżvilupp Sostenibbli. Matul dan il-perjodu, entitajiet governattivi, organizzazzjonijiet volontarji, negozji, u ċittadini madwar Malta u Għawdex se jingħaqdu flimkien biex jippromwovu l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, b’inizjattivi li jsaħħu l-komunitajiet u jipproteġu l-ambjent naturali.