Sunday, December 29, 2024

Minn Jannar li ġej Microsoft se żżomm id-data ta’ klijenti Ewropej fl-Ewropa

Aqra wkoll

Microsoft għadha kemm ħabbret li mill-1 ta’ Jannar li ġej, il-klijenti tagħha fuq il-cloud fl-Unjoni Ewropea se jkunu jistgħu jibdew jipproċessaw u jżommu partijiet mid-data tagħha ġewwa l-Unjoni Ewropea. Dan se japplikaw għas-servizzi ewlenin kollha ta’ Microsoft fosthom Azure, Microsoft 365, Dynamics 365 u l-pjattaforma Power BI.

In-negozji l-kbar qed ikomplu jsiru iżjed anzjużi dwar kif id-data tal-klijenti tagħhom qed tkun esportata speċjalment minn meta l-Unjoni Ewropea introduċiet il-General Data Protection Regulation (GDPR) fl-2018, li tħares il-privatezza tal-konsumaturi.

Il-Kummissjoni Ewropea fil-fatt qed taħdem fuq serje ta’ proposti sabiex tkompli tħares il-privatezza tal-konsumaturi Ewropej li l-informazzjoni dwarhom qed tkun trasferita fl-Istati Uniti.

“Iżjed ma komplejna nħarsu lejn dan il-proġett, iżjed ħassejna l-ħtieġa li nimplimentawh f’fażijiet differenti,” qalet Julie Brill – Chief Privacy Officer ta’ Microsoft.

“L-ewwel fażi se tkun customer data. Imbagħad, hekk kif inkomplu mexjin minn fażi għall-oħra, se nkunu qed ninkludu logging data, service data u data oħra. It-tieni fażi se titlesta fl-aħħar tal-2023 u t-tielet fażi fl-2024.”

Microsoft topera iżjed minn 12-il datacentre f’diversi pajjiżi differenti fl-Ewropa fosthom fi Franza, il-Ġermanja, Spanja u l-Iżvizzera.

Għall-kumpaniji l-kbar, il-ħażna ta’ data tant saret kbira u mqassma f’ħafna pajjiżi differenti li saret diffiċli ħafna għalihom jifhmu fejn din id-data tinsab ibbażata u jekk hix konformi ma’ regolamenti bħalma hi l-GDPR.

“Qed noħolqu din is-soluzzjoni sabiex nagħtu iżjed kunfidenza lill-klijenti tagħna u sabiex inkunu nistgħu nikkomunikaw aħjar mar-regolaturi tagħhom dwar fejn id-data dwarhom qed tkun ipproċessata u miżmuma,” żiedet tgħid Julie Brill.

Ekonomija

Sport