Bejn Jannar ta’ din is-sena u dan ix-xahar, jiġifieri Settembru ta’ din is-sena, il-Bank of Valletta rnexxielu jwaqqaf maż-€2.23 miljun fi tranżazzjoni frodulenti għall-klijenti tiegħu. Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret ilbieraħ ġewwa l-uffiċini tal-Bank of Valletta f’Santa Venera.
Waqt li appella sabiex dak li jkun joqgħod attent x’tip ta’ messaġġi jiftaħ fuq il-mobile, il-Kap Eżekuttiv tal-BOV Kenneth Farrugia enfasizza fuq il-fatt li l-klijent qatt mhu se jiiġi mitlub mill-bank sabiex jagħti xi dettalji, fosthom dawk personali jew inkella xi flus.
Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll l-Uffiċjal Kap għall-Kriminalità Finanzjarja tal-bank, Ryan Caruana. Caruana enfasizza fuq il-fatt li fl-ewwel nofs ta’ din is-sena, kien hemm għadd kbir ta’ każijiet ta’ frodi Caruana tkellem ukoll fuq l-importanza li l-poplu Malti u Għawdxi jkun infurmat dwar il-riperkussjonijiet serji li jġib miegħu l-frodi u scams.
Bil-għan li jipproteġi lill-klijenti mill-frodi u l-kriminalità finanzjarja, il-Bank of Valletta introduċa żewġ miżuri ġodda li għandhom isaħħu s-sigurtà kull darba li l-klijenti jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent jew iwettqu tranżazzjonijiet minn xi waħda mill-Fergħat.
L-inizjattivi l-ġodda jinkludu proċess iktar sigur biex jiġu awtentikati l-klijenti meta jċemplu liċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, kif ukoll notifika permezz ta’ SMS li jintbagħat direttament lill-klijenti kull darba li jiġbdu flus kontanti minn waħda mill-fergħat tal-BOV.
Il-klijenti li jagħmlu kuntatt maċ-Ċentru għas-Servizz tal-Klijent, normalment huma mdorrija li jridu jwieġbu mistoqsijiet ta’ sigurtà li jsirulhom mill-aġenti tal-Bank qabel ma jkunu jistgħu jinqdew. Bil-bidliet il-ġodda, klijenti li huma reġistrati għas-servizzi elettroniċi bħall-Internet u l-Mobile Banking, issa se jkunu mitluba jillogjaw malli jagħmlu kuntatt mal-aġenti tal-Bank u b’hekk ir-rappreżentant ikun jista’ jivverifika li t-telefonata hija ġenwina minħabba li l-aċċess għall-Internet jew il-Mobile Banking irid jiġi awtentikat bis-sistema tal-Password jew il-Biometriċi mill-mobile tal-klijent stess.