Sunday, December 22, 2024

“Minn Jannar tas-sena l-oħra lgħabna kull logħba daqslikieku finali u wasalna għall-promozzjoni”

Pablo Doffo, coach ħabrieki u dedikat ta' Marsaxlokk

Aqra wkoll

Wara esperjenza twila bħala player ġewwa pajjiżna, fejn fost oħrajn lagħab ma’ Hibernians, Floriana, Naxxar Lions, Senglea Athletic u anke ma’ Marsaxlokk, b’responsabbiltá qed imexxi lill-club Xlukkajr bħala coach.

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-football?

Jien bdejt nilgħab il-football ta’ etá żgħira. Kelli dawk il-ħames snin meta kont nilgħab mat-team tal-villaġġ fejn twelidt. Il-coach mal-ewwel ra li kelli potenzjal u beda jħeġġiġni dejjem aktar sabiex nieħu dan l-isport bis-serjeta’. Jien hekk għamilt u bdejt inħoss li aktar ma bdejt nieħu s-sessjonijiet ta’ taħriġ b’ċertu intensita’ aktar bdejt inħossni nitjieb. 

Meta kelli 11-il sena mort nilgħab fil-belt kapitali tal-Arġentina Buenos Aires. Tista’ tgħid li hemmhekk żdiedu l-opportunitajiet tiegħi tant li kelli x-xorti nitħarreġ mat-team taż-żgħażagħ ta’ Boca Juniors li kif nafu hu tim rinomat fl-Arġentina. 

Meta kelli 22 sena ddebuttajt mat-team tal-kbar ta’ Sportivo Belgrano  filwaqt li sena wara ngħaqadt ma’ club ieħor lokali bl-isem ta’ Talleres de Cordoba. 

Finalment fis-sena 2006 kelli l-opportunita’ niġi nilgħab hawn Malta ma’ Hibernians FC.

Kif ġejt tilgħab f’Malta?

Niftakar li kien hemm ħabib kbir tiegħi li ġie jilgħab f’Malta u ssuġġerieli l-possibbilta’ li niġi jien ukoll. Dak iż-żmien jien kont bla club minħabba li ma bqajtx nifforma parti minn Talleres de Cordoba.  Niftakar li kienu ġew għalija Hibernians FC u għalija bdiet avventura ġdida f’pajjiż li ma tantx kont naf bih qabel. 

X’tiftakar mill-esperjenza tiegħek ma’ Hibernians FC?

Kienet esperjenza mill-aqwa. Għamilt sentejn magħhom fejn saħansitra kont fit-team li rbaħna l-FA Trophy wara rebħa fil-finali kontra Sliema Wanderers. 

Nistqarr miegħek li l-ewwel sena tiegħi ma’ Hibernians xejn ma kienet faċli minħabba li ridt nidra mhux biss ambjent ġdid iżda wkoll stil ġdid ta’ ħajja meta mill-Amerika t’Isfel iċċaqlaqt lejn l-Ewropa. Madankollu wara t-tieni staġun tiegħi tajt il-kontribut tiegħu għall-progress tat-tim. 

Wara Hibernians, int ingħaqadt ma’ Floriana FC. Kif tiddeskrivi dan iż-żmien magħhom?

Niddeskrivi l-erba’ snin li qattajt ma’ Floriana bħala fantastiċi u fuq kollox l-isbaħ mumenti fil-karriera tiegħi. Niftakar li konna rbaħna wkoll it-trophy lura għas-sena 2011 meta għelibna lil Valletta. 

Il-coach ta’ dak iż-żmien fdali d-dipartiment ta’ nofs il-ground u jien ħassejt ċerta responsabbilta’ li naħseb li qdejtha bl-aqwa mod possibbli. 

Wara kellek ukoll esperjenzi oħra siewja ma’ diversi timijiet oħra, hux hekk?

Iva fil-fatt lgħabt ukoll ma’ Naxxar Lions, Senglea Athletic u Marsaxlokk FC. Anke hawn dejjem tajt l-almu tiegħi sabiex nara lil dawn it-timijiet aħjar. 

Meta mort ma’ Naxxar Lions bdejt minn dak li dak iż-żmien kien magħruf bħala l-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. Il-president kien Dione Drago li kien raġel fuq l-irġiel. Kien il-coach Winston Muscat flimkien ma’ Stefano Grima li riduni magħhom.

Meta mort ma’ Senglea Athletic, kellna s-sodisfazzjon tal-promozzjoni għall-Kampjonat Premier. Naħseb li anke hawn kelli ċertu livell ta’ sodisfazzjon. 

Imbagaħd ingħaqadt ma’ Marsaxlokk fejn flimkien mal-club konna bdejna proġett ferm ambizzjuż. It-team l-ewwel kien immexxi minn Sergio Soldano u mbagħad kien hemm coach ieħor bravu Edgar Degabriele li kompla fuq it-tajjeb tal-predeċessuri tiegħu u kien wassal lill-club għall-Kampjonat tal-Ewwel Diviżjoni. 

X’tikkummenta fuq din il-promozzjoni li ksibtu bħala club għall-Kampjonat Premier?

Hija tassew promozzjoni storika għal Marsaxlokk FC, għax iffurmajna grupp kompletament ġdid fil-bidu tal-istaġun u dan jieħu ż-żmien biex namalgamaw il-players flimkien.

Huma għamlu biċċa xogħol tajba u jistħoqqilhom il-mertu kollu għal dan it-tragward! Bdejna bil-mod fl-istagun b’riżultati li ma kinux dawk li xtaqna, imma kulħadd baqa’ magħqud u lkoll konna nemmnu fit-tip ta’ xoghol u stil li konna qed naħdmu bih.

Wara li f’Jannar li għadda tlifna kontra Melita, waqqafna mira ta’ kull logħba sal-aħħar tal-istaġun biex nilagħbu bħallikieku kienet finali jekk riedna li jkollna l-possibbiltà li niġġieldu għall-promozzjoni.

Ninsabu ferħanin ħafna u kif għedt qabel, kulħadd f’dan il-club jixraqlu din il-kisba, speċjalment il-president kbir tagħna Frank Cachia li mill-ewwel jum appoġġjana bis-sħiħ u tana l-fiduċja assoluta tiegħu biex nagħmlu xogħolna bl-aħjar mod possibli.

X’tikkummenta fuq dan il-bidu ta’ staġun minn Marsaxlokk FC fil-Kampjonat Premier?

Il-bidu tal-istaġun għalina kien daqsxejn diżappuntat fir-rigward tar-riżultati, iżda sadanittant rajna titjib kbir fil-prestazzjonijiet tagħna meta mqabbel mal-ewwel logħba tagħna, u dan jagħtina l-kuraġġ biex inkomplu naħdmu u nitjiebu fit-tfittxija għall-punti.

Għandna grupp kbir ta’ players u ninsabu ferħanin li l-club qed jagħmel minn kollox biex iżommna kuntenti u niffukaw biex nilħqu l-għanijiet tagħna.

X’inhi d-differenza ewlenija bejn li tkun player u coach?

Id-differenza ewlenija milli nkun player u coach issa hi li qabel ikolli bżonn insegwi l-istruzzjonijiet tal-coach u dak li kien qed jippretendi minni bħala individwu. Issa bħala coach jiena ngħaddi l-messaġġ it-tajjeb lill-players ta’ dak li jien bħala coach inkun qed nippretendi minnhom.

Il-ħaġa pożittiva li kont footballer hija li nifhem is-sentiment tal-players għaliex kont nesperjenza dan, għalhekk nipprova nużah b’mod pożittiv.

Taqbel mar-regola li team tal-football Malti jista’ juża numru bla limitu ta’ players barranin?

Naqbel parzjalment għalkemm ma nistgħux noħonqu l-ispazju għat-talent Malti li tiela’ ġmielu. 

X’inhi l-opinjoni tiegħek fuq il-kontroll tar-referees Maltin?

Ħa ngħidlek ix-xogħol ta’ referee xejn mhu faċli. Xi kultant aħna l-coaches u anke l-players nagħmlulhom l-affarijiet iktar ikkumplikati. Jien min-naħa tiegħi ninsab kuntent bil-kontroll tal-uffiċjali tal-logħba għax inħoss li hawn livell tajjeb. 

Nixtieqek tgħaddi l-aħħar messaġġ lill-partitarji ta’ Marsaxlokk li huma żgħar fl-ammont iżda kbar fil-qalb

L-ewwelnett nixtieq nirringrazzja lill-partitarji ta’ Marsaxlokk FC li kienu magħna jaraw il-logħbiet li lgħabna fic-Centenary Stadium u l-Victor Tedesco Stadium. Aħna nwiegħduhom li se nibqgħu nagħtu dawn il-wirjiet u minkejja li issa se nkunu qed nilagħbu mal-elite tal-football Malti, se nippruvaw niksbu riżultati tajbin! 

Ekonomija

Sport