Tuesday, November 26, 2024

Minn kariga għolja fil-qasam tas-saħħa għal bejjiegħ tal-pastizzi f’Kalifornja

Baqa’ jemmen f’riċetta tan-nanniet li emigraw minn Malta minkejja diversi ntoppi

Brian Gatt
Brian Gatt
Ġurnalist

Aqra wkoll

It-tradizzjonijiet hija xi ħaġa ferm għal qalb il-Maltin u l-fatt li persuna jew persuni jagħżlu li jgħinu fil-proċess biex dawn jibqgħu ħajjin u saħansitra jinfirxu barra mill-pajjiż hija dejjem aħbar pożittiva. Mhux biss, li isem Malta jiġi assoċċjat mal-imħabba li kapaċi joffri pajjiżna lil dawk kollha li jżuruna speċjalment fejn tidħol il-kċina tagħna hija emozzjoni pożittiva addizzjonali. 

Proprju ftit tal-jiem oħra, fl-4 ta’ Marzu, Christopher Mack se jkun qiegħed jistabbilixxi b’mod uffiċjali l-ħolma tiegħu f’Sacramento f’Kalifornja wara snin jaħdem fuqha. Mack se jkun qiegħed ibigħ pastizzi minn food truck li ilu żmien jaħdem fuqu. Il-ħsieb oriġinali kien li jiftaħ ristorant, iżda meta talab il-pariri ta’ persuni fl-industrija tal-ikel fil-pajjiż huwa kien imħeġġeġ biex idawwar il-proġett tiegħu b’dan il-mod.

Ħassu milqugħ ferm f’Malta

It-triq ma kinitx waħda faċli għal Mack li rnexxielu jitla l-iskaluni tal-karriera tiegħu minn ma’ kumpanija tat-tindif għal Direttur Eżekuttiv fil-qasam tas-saħħa. Kollox beda fl-2018 meta Mack żar għall-ewwel darba pajjiżna biex jiskopri iżjed dwar pajjiż li ommu telqet minnu wara li emigrat mal-ġenituri tagħha meta kellha biss tmien snin.

Mack jgħid li sa mill-ewwel minuta li rifes f’Malta nduna li hemm assomiljazzjoni qawwija ta’ ċertu affarijiet li ommu baqgħet tagħmel, ċertu imġiba li trawwem fiha, anke minħabba l-influwenza tan-nanniet tiegħu. Huwa jgħid li meta rritorna lura ma’ martu u ż-żewġt uliedu qalilhom li qatt ma ħassu daqshekk Malti qabel esperjenza dak li verament kapaċi joffri pajjiżna. Ried jibda xi ħaġa li ssaħħaħ il-konnessjoni tiegħu mat-tradizzjoni u hawnhekk daħlu l-famużi pastizzi.

Mill-ewwel ma kinitx faċli u l-voti ma kinux tajbin

Beda ma’ ommu li hu jiddeskrivi bħala għalliema li mhux faċli ġġibha żewġ magħha. Jispjega li mal-ewwel prova, ommu saħansitra qaltlu li għandu bżonn l-għajnuna għax ir-riċetta ma kinitx tajba. Minn hemm huma reġgħu daru għar-riċetta li n-nanniet kienu ħadu magħhom minn Malta u komplew jesperimentaw. Biex jifrex il-ġudizzju dwar xogħlu, Mack beda jaħdem mal-200 pastizz fi tmiem il-ġimgħa u jqassamhom lil għaqda li ma tagħmilx profitt lura fl-2019. Il-pandemija kompliet issaħħaħlu l-ħsieb li jikkonċentra fuq il-food truck u waqt li kien qiegħed jaħdem mid-dar minħabba r-restrizzjonijiet ressaq proposta lil xi aġenti biex jiddiskutu l-ftuħ ta’ ristorant. Ikompli biex jgħid li dawn ukoll kienu onesti u li l-proġett kellu jiġi mfassal mod ieħor u kellu jmur għall-food truck minflok. 

Offra li jaħdem b’xejn ma’ negozjant ieħor f’Arizona fuq l-istess kunċett

Beda jfittex u sab li kien diġà jeżisti food truck tal-pastizzi f’Arizona. In-negozju li beda Joe Gauci fl-2016 illum huwa rinomat mal-Amerikani u jesporta pastizzi friżati mal-pajjiż. Mack bagħat joffri lis-sid biex jaħdem miegħu bla ħlas u fl-2021 siefer lejn Arizona.

Mar-ritorn tiegħu ftit xhur wara huwa fassal il-pjan tan-negozju tiegħu, xtara t-trakk u beda jattendi għal numru ta’ korsijiet u liċenzji mitluba biex ikun jista’ jmexxi tali negozju anke minħabba li dan jippermettilu li jiċċaqlaq minn post għall-ieħor. Jispjega li minkejja li kulħadd irid jibqa’ jiġri wara l-ħolm tiegħu huwa jinsab maħsud kemm kien jinvolvi spejjeż dan il-vjaġġ tiegħu u li kieku mhux għax kellu xogħol stabbilit, faddal u jgħix f’żona affordabbli żgur li ma kienx se jasal.

Minkejja li fil-Milied kien għadu ma nħariġlux il-permess biex ibigħ il-prodotti tiegħu, Mack baqa’ jqassam b’xejn. Ġie mitlub biex jagħmel ordni għal waħda mara li talbitu xi pastizzi għal missierha li hu Malti u minkejja li kien għadu ma jistax ibigħ huwa qal li kien iżjed minn kuntent li jaħdimhomlha b’xejn. Dan ikkonferma t-tjubija tal-prodott u qal li fakkruh sew f’dawk ta’ Malta u din kienet waħda mill-aħjar ġranet għal Mack.

Jibda jbigħ uffiċjalment mis-Sibt

It-trakk se jkun qiegħed jiftaħ b’mod uffiċjali s-Sibt li ġej u anke mid-dehra tiegħu ma jistax jonqos li huwa mimli affarijiet relatati ma’ Malta speċjalment il-kliem “For the love of Malta”. Interessanti wkoll parti mid-disinn jinkludi messaġġi ta’ kuraġġ li rċieva qalb il-ħafna qtigħ il-qalb. Il-pastizzi tiegħu għandhom l-isem ta’ Valletta, California u Mdina, skont il-togħmiet rispettivi li huma tal-irkotta, dawk bil-bacon u togħmiet Amerikani u dawk tal-piżelli.

“Tan-nofs semmejthom California għax nixtieq noħloq xi ħaġa minn togħmiet tal-lokal. Nemmen li se tkun l-introduzzjoni ta’ dan it-tip ta’ ikel għal ħafna nies li m’għandhomx idea tagħhom. Ix-xewqa tiegħi hija biss li minn fost 1,000 persuna, imqar ftit mijiet li jżuru t-trakk tiegħi jħossu l-bżonn li jżuru Malta”, temm jgħid Mack.

Sport