Sunday, April 6, 2025

Minn lifeguard ghal esperta fl-inkjesta tal-isptarijiet

Aqra wkoll

Minn lifeguard għal esperta fl-inkjesta tal-isptarijiet. Din hija l-istorja ta’ Zara Melody, tfajla Irlandiża illi sa disa’ xhur biss qabel ma’ inħatret mill-Maġistrat Gabriella Vella bħala esperta tal-Qorti fl-inkjesta tal-isptarijiet kienet taħdem bħala lifeguard.

L-Irlandiża Zara Melody inħatret esperta tal-Qorti fit-12 ta’ Settembru 2023, xhur wara li l-abbozz tar-rapport finali tal-inkjesta kien diġà ġie ppreżentat lill-Maġistrat Vella. Sa Diċembru 2022 Melody kienet taħdem bħala lifeguard u għalliema tal-għawm, xogħol li kienet ilha tagħmel għal kważi erba’ snin.

Fil-bidu tal-2023 imbagħad, Melody bdiet l-apprentistat tagħha fis-settur tal-IT. Madankollu f’Settembru tal-istess sena, fuq il-parir ta’ Jeremy Harbinson, sabet ruħha maħtura bħala esperta fl-inkjesta dwar l-isptarijiet fit-tim ta’ digital examiners tal-kumpanija ANSEC IA.

Meta kienet intervistata dwar l-apprentistat tagħha Melody ammettiet li ma kinitx tħobb l-iskola u għażlet li tmur taħdem bħala lifeguard u għalliema tal-għawm. Imbagħad bdiet l-apprentistat tagħha fl-IT, fejn kienet tqatta’ erbat ijiem xogħol u ġurnata tistudja. Kellha tibda mill-bidu, għax ma kellha l-ebda idea fuq l-IT. Melody stqarret illi ma kellha esperjenza ta’ xejn u li din għad trid tiksibha.  

Minkejja n-nuqqas serju ta’ esperjenza ta’ din l-esperta, il-Maġistrat Gabriella Vella tat il-barka tagħha biex din titħallas bil-€176 fis-siegħa. Fil-fatt, minn tliet irċevuti li ppreżentat ANSEC IA għal xogħol li suppost sar minn Melody, bejn Settembru u Diċembru 2023, intalab il-ħlas ta’ iżjed minn €20,000 b’rata fis-siegħa li thallsu l-esperti prinċipali tal-istess kumpanija.

Dan il-każ ikompli jikkonferma kemm ma saru l-ebda verifiki tal-irċevuti li kienu qed jitressqu għall-approvazzjoni tal-Maġistrat Vella, biex isiru l-ħlasijiet. Ftit tal-ġranet ilu mistoqsija fil-Qorti dwar kif ġew stabbiliti r-rati tal-ħlasijiet lill-esperti barranin, kemm il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenzija ghas-Servizzi tal-Qorti u kif ukoll il-Kontrollur Finanzjarju tal-istess Aġenzija wieġbu li huma mxew mad-digriet tal-Maġistrat Gabriella Vella u t-talbiet għall-ħlasijiet kienu jitressqu lilha li minn naħa tagħha kienet tapprova li jsiru dawn il-ħlasijiet.

Zara Melody ma kinitx l-unika esperta mingħajr l-esperjeza neċessarja li inħatret mill-Maġistrat Vella. Kien hemm mill-inqas seba’ esperti oħra li ssuġġerixxa l-Irlandiż Jeremy Harbinson illi kienu gradwati friski u trainees. L-esperti Callum Coulter, Ciaran Martin Neeson, Courteney Rachel Ann Jamison, Philip Matthews, Patrick James Anderson, Barry O’Donnell u James McCullough bhal Zara Melody, kien kollha gradwati ġodda jew trainees fis-setturi tal-IT, il-computing u l-accountancy.  Għaldaqstant ma kinux speċjalizzati f’xogħolhom kif jirrikjedu standards internazzjonali u l-linji gwida tal-Kunsill tal-Ewropa. 

L-inkjesta dwar l-isptarijiet li swiet €11 – il miljun, ħadet ħames snin biex tlestiet u kienet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew f’Ġunju li għadda. Fuq il-bażi tagħha inħarħu sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront ta’ numru kbir ta’ persuni, fosthom l-eks Prim Ministru Joseph Muscat.

Artiklu preċedenti

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport