Saturday, November 8, 2025

Minn Malta sal-Indja biex iqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima … se jimxi mat-12,000 kilometru

Aqra wkoll

Għal ħafna nies, il-ħsieb li timxi eluf ta’ kilometri jidher kważi impossibbli. Imma għall-Indjan Jaydip Lakhankiya, ta’ 25 sena, din hija missjoni personali u spiritwali biex iqajjem kuxjenza dwar it-tibdil fil-klima u dwar kif kull wieħed minna jista’ jikkontribwixxi għall-futur sostenibbli.

F’Jannar li ġej, Jaydip se jibda mixja ta’ 12,000 kilometru minn Malta sal-Indja, tul madwar 20 pajjiż. Jistenna li l-vjaġġ idum madwar sena u nofs, u matulu jgħaddi minn kull belt kapitali tal-pajjiżi li jiltaqa’ magħhom. Dan il-ġurnal tkellem ma’ Jaydip li tana l-kummenti tiegħu dwar din il-missjoni li se jagħmel.

“Iddeċidejt li nimxi minflok nieħu trasport għax f’dinja mmexxija mill-veloċità, il-konsum u l-emissjonijiet, jiena għażilt li nnaqqas il-pass, li nimxi bħala simbolu ta’ dak li għandna bżonn nagħmlu: nimxu minn ħajja li tniġġes għal ħajja aktar newtrali għall-karbonju,” jgħid b’leħen ċar u determinat.

Meta kien tifel f’Bhavnagar, fl-Indja, Jaydip kien jixxennaq biex jivvjaġġa mad-dinja kollha bil-lussu fuq ajruplani, lukandi u postijiet sbieħ. Iżda llum, it-triq tiegħu hi kompletament differenti.

“Qabel ridt il-kumdità. Illum, nagħżel it-tinda minflok il-lukanda,” jgħid b’tbissima. “Irrid inkun qrib in-natura, qrib in-nies u l-kulturi, mhux permezz tal-lussu imma permezz tal-esperjenza.”

Minbarra l-vapuri li se jaqbad biex jasal minn Malta għall-Italja, Jaydip se jgħaddi l-bqija tal-vjaġġ kollu bil-mixi, u jsegwi trejqiet siguri ‘l bogħod mit-triq prinċipali. L-aktar sfida diffiċli mistennija tkun meta jgħaddi mid-deżert fl-Iran.

“Il-preparazzjoni fiżika qed nagħmilha diġà hekk kif kuljum nimxi kilometri twal. Imma aktar minn hekk, il-preparazzjoni mentali hi essenzjali. Ilni sena nippjana dan kollox.

Mhux biss vjaġġ fiżiku imma nqisu vjaġġ spiritwali,” jgħid b’serjetà.

Qabel ġie Malta, Jaydip diġà kellu esperjenzi kbar f’nofs in-natura. Huwa jgħallem it- trekking, il- kayaking u hu paraglider ċertifikat, u għamel 182 jum jivvjaġġa madwar l-Indja bil-mixi u b’hitchhiking bi ftit jew xejn flus.

“Dik l-esperjenza bidlitli ħajti,” ifakkar. “L-aktar ħaġa sabiħa kienet li n-nies fil-villaggi kienu għandhom ftit, imma xorta kienu ġenerużi u ferrieħa. Tgħallimt li m’għandniex bżonn ħafna affarijiet biex inkunu kuntenti.”

Wara dik l-esperjenza, beda jaħdem ma’ organizzazzjonijiet mhux governattivi ambjentali fl-Indja, iżda l-għarfien aktar fil-fond dwar it-tibdil fil-klima wasal meta ġie Malta biex jistudja diploma fl-ospitalità.

“Kont qed nitgħallem dwar il-ġestjoni tal-lukandi fl-Indja u ridt nespandi l-għarfien tiegħi f’pajjiż bħall-Malta, fejn jiġi tant turisti kull sena,” jgħid. “Hawn sibt nies tajbin ħafna u nħossni milqugħ. Malta saret bħat-tieni dar tiegħi.”

Waqt li kien qed jistudja, kellu suġġett dwar l-istorja tat-turiżmu u beda jaqra dwar rotta antika tal-kummerċ li qabbdet l-Ewropa mal-Asja.

“Il-Triq tas-Suf kif inhi magħrufa, kienet simbolu tal-konnessjoni bejn il-bnedmin permezz tal-kummerċ. Illum, irrid inħalliha tkun konnessjoni ġdida bejn il-bnedmin li jridu jħarsu l-pjaneta,” jgħid b’passjoni.

Il-bagalja tiegħu hi żgħira u sempliċi: erba’ pari ħwejjeġ, ġakketta, tinda, power bank, torċ u telefon. Jistenna li jikkonsma mill-inqas 20 par ta’ żraben tul il-vjaġġ.

“Ma rridx inġorr ħafna. Kull ħaġa żejda tfisser dipendenza fuq il-materjal,” jgħid. “Dan il-vjaġġ hu wkoll simbolu kontra l-kultura tal-konsum eċċessiv. In-nies qed jagħmlu ħsara kbira lill-pjaneta biss biex ikollhom aktar u aktar.”

Biex juri l-kuntrast, jgħid li titjira waħda minn Malta sal-Indja taħli madwar 300,000 kilo ta’ diossidu tal-karbonju, filwaqt li hu se jagħmel l-istess distanza mingħajr ebda emissjoni.

Matul il-mixja tiegħu, Jaydip jippjana jitkellem man-nies li jiltaqa’ magħhom, biex iqajjem kuxjenza dwar kif it-tibdil fil-klima qed jolqot il-komunitajiet tagħhom. 

“Fl-Indja diġà qed naraw l-effetti b’mod allarmanti. Xahar ilu, aktar minn 2,000 raħal f’Punjab ġew mgħarrqa. Ħafna tilfu kollox. Il-verità hi li n-natura qed tirribella minħabba l-mod kif qed ngħixu,” jgħid b’ton ta’ tħassib.

Skontu, in-nuqqas ta’ edukazzjoni xjentifika hi problema kbira. “Ma nistgħux insolvu problema li ma nifhmux,” jgħid b’enfasi.

Jaydip jikkritika wkoll l-mod kif il-soċjetà tiddetermina s-suċċess. “L-affarijiet materjali ma jġibx ferħ. L-aktar nies sinjuri fid-dinja jniġġsu 20 darba aktar mill-medja, u l-aktar foqra jniġġsu biss 5%. Għad-dinja qed tonqos, imma xorta nbaxxu rashom quddiem biljunarji. Il-valuri tagħna jridu jinbidlu.”

Il-mixja minn Malta sal-Indja mhix biss vjaġġ fiżiku, iżda wkoll vjaġġ spiritwali ta’ tama. Meta jistaqsuh x’jagħtih il-motivazzjoni biex jibqa’ miexi, jweġib bil-kwiet:

“Ħafna drabi jkun hemm ġranet iebsa. Imma niftakar li kull bidla kbira fl-istorja bdiet minn persuna waħda. Jiena nemmen li kull pass jgħodd.”

Biex ixerred il-messaġġ tiegħu, Jaydip qed ibni l-preżenza tiegħu fuq il-midja soċjali u jippjana jippubblika vidjo kuljum matul il-vjaġġ, juri x’jiltaqa’ miegħu u jispira lin-nies biex jieħdu azzjoni għall-ambjent.

Il-vjaġġ ta’ Jaydip Lakhankiya minn Malta sal-Indja mhux biss simbolu ta’ kuraġġ u determinazzjoni, iżda għajta sabiex l-awtoritajiet jieħdu azzjoni. Hu jfakkarna li kull wieħed minna jista’ jagħmel differenza.

“It-tibdil fil-klima mhuwiex problema ta’ ħaddieħor. Hu tagħna u rridu nieħdu ħsieb li nsolvuha għall-ġid ta’ min ġej warajna,” temm jgħidilna.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport