Sunday, July 20, 2025

Minn manager il-Bank…spiċċat ma tafx tikteb…numri xejn… ma tagħrafx lill-familja u issa dipendenti għal kollox fuqhom

….il-każ sakemm saret ġustizzja dam għaddej disa’ snin bi tbatija kbira għall-qraba

Aqra wkoll

Kienu jgħixu ħajja normali, bħal ħafna familji oħra. Kollox inqaleb ta’ taħt fuq f’ħakka t’għajn. Moira kienet m’oħrajn qed taqsam fix-xatt tal-Gżira. Tiġi karozza misjuqa b’veloċità ta’ 110 kilometru fis-siegħa. Moira tittajjar u tispiċċa fuq in-naħa l-oħra tat-triq. Minn bank manager hi spikkat ma’ tafx tikteb. Numri xejn. Memorja qasira. Spiċċa lanqas tista’ tiekol u spiċċaw jitimgħuha. Kellhom jaħdmu magħha biex terġa’ tagħraf lil familtha. Maż-żmien bdiet tirkupra ftit, sakemm qalbet lura fis-sena 2024. Spiċċat anke f’siġġu tar-roti u bil-ħarqa. Hi spiċċat tiddependi fuq dawk ta’ madwarha.  Ir-raġel tagħha, kontra qalbu kellu jirriżenja mix-xogħol tiegħu fil-Ġermanja. 

Il-Qorti għamlitha ċara li trid li din is-sentenza mhux biss isservi ta’ deterrent għal min jidhirlu li jista’ jsuq kif irid u b’liema veloċità  jrid fit-toroq tagħna iżda tkun tirrifletti l-prinċipju li l-ħajja umana hija prezzjuża u għandha tkun protetta akkost ta’ kollox.  Il-Qorti fis-sentenza tagħha qalet li ma tistax ma turi l-ammirazzjoni tagħha għall-imġieba impekkabbli li wera r-raġel tal-vittma matul dawn il-proċeduri, li minkejja li tilef ħafna u għadu għaddej minn kalvarju flimkien mal-familja tiegħu, fid-diversi drabi li deher quddiem il-Qorti qatt ma ħalla l-effetti ta’ dan l-inċident jinfluwenzawh bil-mod kif iġib ruħu quddiemha inkluż fil-konfront ta’ Renald Aquilina, is-sewwieq li tajjar lil martu.

Renald Aquilina kien ġie mixli li nhar is-16 ta’ Septembru tas-sena 2016 għall-ħabta tat-8.15 ta’ filgħaxija  f’Tas-Sliema hu kkaġuna ġrieħi gravi lil Moira Cauchi. Dan minħabba sewqan perikoluż u traskurat.

L-Ispettur Lara Butters kienet xehdet li fit-30 ta’ April tas-sena 2019 hi  kienet xogħol fl-Għassa tal-Imsida fejn giet infurmata bl-inċident. Meta marret fuq il-post tal-inċident il-midruba kienet diġa ittieħdet l-isptar u fuq il-post sabet ix-xufier Renald Aquilina. Kien sarlu breathalyzer  li irriżulta fin-negattiv. 

Sharon Baldacchino xehdet li kienet f’The Strand f’Tas-Sliema fuq in-naħa tal-baħar ma’ Moira Cauchi. Kienu fuq it-traffic lights u waqfu l-karozzi u b’hekk bdew jaqsmu iżda meta kienu għadhom fuq il-bus lane  ġiet karozza b’veloċità mhux ħażin u f’daqqa rat lil Moira Cauchi ittir u tispiċċa lil hinn mis-central strip fuq in-naħa l-oħra quddiem ir-restoranti.

Peter Cauchi xehed  li hu r-raġel ta’ Moira Cauchi u spjega l-qagħda fiżika u medika tal-mara tiegħu u kif l-istess inċident affettwa l-familja kollha. Sad-data tax-xhieda minn Bank Manager spiċċat ma tafx tikteb, ma taħdimx fil-kariga li kellha u b’memorja qasira.  Speech thereapy li għadu ‘lbogħod, bdiet titgħallem tagħraf lill-familja, ma kinitx taf tiekol, reġgħet bdiet titgħallem tmur il-kamra tal-banju. Iddikjara li sabu għajnuna sħiħa mill-bank fejn għadha taħdem sa llum iżda issa ma tistax tkopri il-kariga ta manager.

Moira Cauchi ippruvat tixhed fit-8 ta’ Ottubru tas-sena 2020 iżda ma kinitx f’pożizzjoni li tixhed.

L-ewwel Qorti kienet sabet lil Renald Aquilina ħati u kkundannatu sena ħabs sospiżi għal 4 snin. Kienet ordnata s-sospensjoni tal-Licenzji kollha tas-sewqan, ordnat  li tinħareġ Treatment Order biex jiġi indirizzat il-vizzju tiegħu tad-droga.

Il-Prosekuzzjoni appellaw minn din is-sentenza. Ġie ikkunsidrat li f’dan il-każ, l-Ewwel Qorti fid-deċiżjoni tagħha minflok  iċċitat l-Artikolu 328 (d) tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta, iċċitat l-Artikolu 328 (d) tal-Kap. 90 tal-Liġijiet ta’ Malta, Artikolu li lanqas biss jeżisti. Intqal li l-Ewwel Qorti għamlet riferenza għall-Artikolu 225 tal-Kap. 9 tal-Liġijiet ta’ Malta fid-deċiżjoni, li jitkellem dwar l-omiċidju involontarju, reat li lanqas biss jirriżulta mill-atti proċesswali u għalhekk ma tistax issib ħtija tiegħu. 

Il-Qorti stqarret li kien  ovvju: li dan kien każ ta’ inċident stradali kkawżat b’sewqan spavald u rresponsabbli minn naħa ta’ Aquilina. Hu  kien qed isuq b’veloċità ta’ aktar minn 110 kilometru fis-siegħa, qabel l-impatt. Il-Qorti tal-Appell qalet li l-impatt fuq Moira, li dakinhar kellha 51 sena, kien devastanti fuq is-saħħa tagħha. Hija sofriet ġrieħi ta’ natura gravi konsistenti  fi ksur ta’ diversi postijiet f’ġisimha inkluż ta’ wiċċha, f’għonqha, fil-kranju u l-moħħ, fis-sinsla ta’ dahar u fl-għadam tal-pelvis. Minħabba dan għamlet żmien rikoverata fit-Taqsima tal-Kura Intensiva f’qagħda kritika sakemm wara xi xhur ġiet trasferita fin-neurosurgical ward biex tkompli tiġi rikoverata u imbagħad eventwalment xi sena u xahrejn wara l-inċident ġiet trasferita lura lejn id-dar.

Il-Qorti qalet li fl-intervista li għamlet Noelene Cassar, Uffiċjal tal-Probation, fir-residenza tal-familja  Cauchi fis-2022 bħala parti mis-social inquiry report tagħha ingħad li għalkemm waqt l-intervista Moira Cauchi kienet preżenti, kien  Peter Cauchi li beda jitkellem f’isimha minħabba l-fatt li wara l-inċident  Moira baqgħet issib diffikulta  biex tartikola l-kliem. Il-ħajja tagħha ġiet affettwata kompletament. Qabel seħħ dan l-inċident, hija kienet ikkunsidrata bħala s-sapport tal-familja,

fejn barra li kienet taħdem bħala bank manager, kienet ukoll tieħu ħsieb lit-tfal u d-dar. Wara l-inċident, il-folja nqalbet u Moira spiċċat għandha bżonn is-sapport mingħand dawk ta’ madwarha bażikament sakemm tintemm ħajjitha. Qabel kellha l-libertà  sabiex tagħmel dak kollu li tixtieq qalbha, iżda illum hija spiċċat tiddependi ħafna fuq in-nies ta’ madwarha. Għalkemm issa  rkuprat xi ftit, xorta għadha pjuttost limitata minn dak li hi kapaċi tagħmel. 

Meta imbagħad l-istess uffiċal tal-probation għamlet intervista oħra fir-residenza tal-familja Cauchi f’Marzu tas-sena 2025 bħala parti mis-“social inquiry report” aġġornat tagħha, hi qalet li tajjeb li jissemma’ li, għalkemm waqt l-intervista Moira Cauchi kienet preżenti, kien Peter Cauchi li beda jitkellem f’isimha minħabba l-fatt li riċentament hi reġgħet iffaċċjat sensiela ta’ problemi fis-saħħa tagħha, u dan wassalha sabiex fil-preżent mhix f’pożizzjoni li tartikola l-ebda kliem. Irrimarkat li wara l-inċident li seħħ nhar is-16 ta’ Settembru tas-sena 2016, is-saħħa ta’ Moira, minkejja li għal xi żmien bdiet sejra għall-aħjar, issa marret lura. 

Dakinhar tal-ewwel intervista, Peter Cauchi kien saħaq li Moira kienet għadha tattendi għal sessjonijiet ma’ psikologista u kif ukoll għand terapista tal-‘ispeech’, fejn kienet għadha sabet 20 fil-mija mill-vokabularju lura. Fl-intervista li saret speċifikament għal dan ir-rapport, jidher li s-saħħa ta’ Moira kompliet tiddeterjora. Peter Cauchi saħaq fil-bidu tas-sena 2024 li beda jinnota li martu, fejn qabel kienet reġgħet bdiet tagħmel l-affarijiet bażiċii tal-ħajja ta’ kuljum, qisha bdiet titgerfex

u ma baqgħetx tagħmel l-affarijiet kif suppost. Fit-18 ta’ Marzu tas-sena 2024, Moira ttieħdet l-isptar u dan wara li Peter Cauchi spjega li kienet inqatgħetilha vina minn moħħha, fi kliemu “like a stroke”.

Intant, it-terminu użat mill-isptar Mater Dei kien li d-dijanjosi hi “right frontal lobar parenchymal bleed”, fejn is-sinjali u s-sintomi ta’ emoraġija ħafna drabi jinkludu uġiegħ ta’ ras, aċċessjonijiet, u deficits newroloġiċi  bħal problemi ta’ taħdit, vista u smigħ. Jidher li Moira  bdiet bħal donnu “tiffriża” bi “blank stare”. Jidher ukoll li t-taħdit ġie affettwat, fejn Moira ma baqgħetx tikkomunika bħal ma kienet qiegħda tagħmel ftit taż-żmien qabel.

Peter Cauchi jirrimarka li Moira kienet damet għal perjodu ta’ madwar xahar u nofs fl-isptar Mater Dei, fejn wara ġiet transferita fl-isptar Karen Grech u hemm seta’ jerġa’ jinbeda l-proċess ta’ riabilitazzjoni. Jirrimarka li s-sinjura Cauchi kienet miżmuna f’dan l-isptar sa Settembru 2024, fejn jgħid li martu kienet fl-agħar tagħha f’dan l-isptar u bdiet ikollha episodji kbar ta’ ansjetà . Għaldaqstant  kien ħa d-deċiżjoni li jieħu l-martu f’dar privata, u b’hekk Moira ġiet trasferita f’Simblija Care Home. Hawnhekk Moira kienet damet minn Settembru tas-sena 2024 sal-1 ta’ Diċembru ta’ l-istess sena, u irrimarka li hu kien iħallas €3,000  fix-xahar biex tingħata l-aħjar kura f’ambjent li beda jgħinha aktar mill-isptar.

Fl-1 ta’ Diċembru tas-sena 2024, Moira kienet reġgħet irritornat id-dar, iżda Dr. Malcolm Vella, li huwa l-Konsulent Newrologu ta’ Moira, kien informa lil Peter li martu kellha bżonn li xi ħadd jieħu ħsiebha ħin kollu. Għaldaqstant, qabel Moira rritornat lura d-dar, huwa impjega carer sabiex tieħu ħsieb il-martu għal 24 siegħa kuljum.  Fil-preżent Moira jidher li anke l-bżonnijiet tagħha m’għadhiex tista’ tagħmel u intant ġie rrimarkat li hi spiċċat bil-ħarqa bħal tarbija. Jirrimarka wkoll li darbtejn

kuljum jinżlu d-dar tagħhom xi impjegati mill-ComCare, u dan sabiex jassistu u jbiddlu lil Moira.

Għaldaqstant, jirriżulta li fil-preżent Moira jidher li saret tiddependi totalment minn dawk ta’ madwarha u hi ma tistax tagħmel xejn għaliha nnifisha. Intant ġie rrimarkat ukoll li issa lanqas timxi m’għadha u spiċċat f’siġġu tar-roti l-wheelchair. 

Waqt din l-intervista Moira  kienet preżenti peress li kienet fuq ‘sofa chair’, il-perjodu li l-Uffiċjal tal-Probation kienet preżenti fid-dar tal-familja Cauchi, hi m’għamlet l-ebda moviment u ma lissnet l-ebda kliem, u bħal donnu kienet iffriżata fl-istess pożizzjoni u lanqas kien hemm ebda movimenti.

L-inċident ħalla impatt kbir mhux biss fuq il-vittma tal-inċident iżda anke fuq il-familjari tagħha inkluż żewġha Peter li kellu fi ftit xhur jabbanduna x-xogħol tiegħu fil-Ġermanja fejn kien jaħdem għall-Ministeru tat-Turiżmu, sabiex jiġi Malta għal kollox biex ikun preżenti b’mod kontinwu fir-rijabilitazzjoni ta’ martu.

Peter jgħid li “kelli nirriżenja kontra qalbi u tlift ovvjament ix-xogħol hemmhekk… wara sena u xahrejn l-isptar u rehabilitation  kellna ntuha ħafna appoġġ biex tiġi daqsxejn aħjar. Hija għandha diżabilità ta’ 80 fil-mija. Ovvjament dan  kollu tefa’ piż fuqna. It-tifla kienet ser twaqqaf l-Università  għax kellha mhux breakdown imma kienet ħażin ħafna u ma setgħetx tikkonċentra. It-tifel l-istess, anke ippospona t-tieġ. Ovvjament jiena kelli niġi lura u niddedika ħafna, ħafna ħin għaliha, bit-trattamenti, neħodha ‘lhemm u ‘lhawn. Bażikament kellna nibdew mill-bidu, ‘a for apple’, ‘b for ball’. Moira minn bank Manager spiċċat ma tafx tikteb u għadha sal-lum. Alfabett xejn, numri xejn, memorja qasira, ma taħdimx

assolutament u kellna ovvjament naħdmu fuq il-memorja tal-passat biex hi anke tiftakar min aħna, in-nies ta’ madwarha etc. Jiġifieri dawn l-aħħar snin għadna sal-lum għaddejin, għalkemm fejn jidħol il-kliem għadu ħafna ‘lbogħod.  Ma kinitx taf kif tiekol, etc. L-ikel konna ntuhulha bił-kuċċarina qisna għandna tarbija.. Ovvjament bdejna nerġgħu ngħallmuha kif tiekol bil-furketta u sikkina. Anke biex  tmur kamra tal-banju, għamlet żmien twil bil-ħrieqi.  Anke ġod-dar stess kienet tinsa fejn hu l-kamra tal-banju. Għadna sa llum jiġifieri ċerti affarijiet ma tagħmilhomx id-dar. Eżempju, ssajjar, ma tafx, sempliċiment tbiddel iċ-channel tat-televiżjoni ma tafx. U hi tkun id-dar, jiena nixgħelilha fuq TVM u TVM jibqa’ sakemm niġi lura, għax ma tafx, il-memorja qasira.  Tinsa kif taqleb bir-remote.” 

Ikompli jgħid li l-bank appoġġjana ħafna u bis-saħħa tagħhom kienet tmur il-bank għax hi kienet tħobb ħafna x-xogħol.  Illum il-bank qed tiffajlja, tagħmlilhom it-te u tmur għal xi file  però trid assistenza. Hi ma tafx kif tħaddem kompjuter.  Il-bank issapportjawha almenu tkun qed tagħmel xi ħaġa u dak kien pass importanti ħafna fir-rijabilitazzjoni.”

Fis-sentenza intqal li din ix-xhieda ttieħdet qabel ma s-saħħa ta’ Moira iddeterjorat mill-ġdid fis-sena 2024 fejn llum il-ġurnata jidher li l-vittma hija totalment dipendenti fuq il-familja tagħha għall-bżonnijiet kollha tagħha.

Minn naħa tagħha, omm, Renald Aquilina iddikjarat li l-inċident ħalla impatt sinjifikanti fuq binha tant li sar ibati mill-ansjetà. Renald Aquilina jgħid li ġie affettwat minn relazzjoni tossika li kellu fil-passat li kienet tinvolvi abbuż verbali mill-eks sieħba tiegħu. Jgħid ukoll li huwa qabad il-vizzju tal-użu tal-kokajina.

Fid-deċiżjoni tagħha  l-Qorti ħadet inkonsiderazzjoni ukoll in-nuqqas ta’ rimors ġenwin tiegħu, minkejja l-ittra li prova jibgħat kważi disa’ snin wara l-inċident, u l-fatt li minkejja li ammetta, tali ammissjoni ġiet fi stadju ferm tardiv. Kien ikun ferm differenti per eżempju li kieku  ammetta mal-ewwel opportunità għax b’hekk mhux biss kien jiffranka ħafna spejjeż lill-partijiet imma kien jevita tbatija żejda lill-vittma u lill-familjari tagħha li għad li għaddew kważi disgħa snin mill-akkadut għadhom ma rċevewx ‘closure’ bl-għeluq definittiv tal-proċeduri. Hi rat il-fedina penali tiegħu, fejn kellu każijiet oħra u qalet li għalhekk il-Qorti tħoss li piena ta’ ħabs effettiva ta’ disa’ xhur tkun xierqa u għandha sservi mhux biss ta’ deterrent għal min jidhirlu li jista’ jsuq kif irid u b’liema veloċità  jrid fit-toroq tagħna iżda tkun tirrifletti l-prinċipju li l-ħajja umana hija prezzjuża u għandha tkun protetta akkost ta’ kollox. 

Il-Qorti tħoss li tkun qed tonqos jekk ma ssemmiex xi ħaġa notevoli li

attirat l-apprezzament jekk mhux ukoll l-ammirazzjoni tagħha, jiġifieri l-imġieba impekkabbli li wera r-raġel tal-vittma matul dawn il-proċeduri, li minkejja li tilef ħafna u għadu għaddej minn kalvarju flimkien mal-familja tiegħu, fid-diversi drabi li deher quddiem il-Qorti qatt ma ħalla l-effetti ta’ dan l-inċident jinfluwenzawh bil-mod kif iġib ruħu quddiemha inkluż fil-konfront tal-imputat.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport