Friday, November 15, 2024

Minn oġġetti li ġew elevati mir-residenza tas-Sirjani nstab materjal tal-Jihad

- Xhieda fil-Qorti

Aqra wkoll

Mal-arrest tas-seba’ żgħażagħ Sirjani f’April li għadda ġew elevati għadd ta’ oġġetti fejn permezz tagħhom instabu filmati, stories u materjal ippubblikat fuq profil virtwali, kollha kemm huma relatati mal-Istat Iżlamiku u l-mexxejja tal-Istat Iżlamiku. Dan ħareġ mix-xhieda tal-Ispettur Jean Paul Attard, hekk kif quddiem il-Maġistrat Nadine Lia bdiet tinstema’ l-kumpilazzjoni kontra s-seba’ Sirjani li jinsabu mixlija b’akkużi relatati ma’ terroriżmu.

L-imputati huma ta’ nazzjonalità Sirjana: Ajil Al Muhsen (21 sena), Adnan Maashi (21 sena), Yazan Abduklaziz (26 sena), Ahmed Kadas (25 sena), Khalil Al Mahmoud (21 sena), Ahmed Ahmed (27 sena) u Mohammed Mohammed (24 sena).

Huma jinsabu mixlija li pprovokaw l-għemil ta’ attivitajiet terroristiċi b’messaġġi fil-pubbliku biex jinċitaw reat terroristiku, li rreklutaw jew ħajru persuni jwettqu atti terroristiċi u li għallmu persuna jew persuni jużaw l-isplussivi jew armi tan-nar fost oħrajn.

Fix-xhieda tiegħu, l-Ispettur Jean Paul Attard qal li mal-arrest tagħhom ġew elevati għadd ta’ oġġetti, fosthom apparat elettroniku u xi mowbajls — fejn permezz tagħhom instabu filmati, stories u materjal ippubblikat fuq profil virtwali, kollha kemm huma relatati mal-Istat Iżlamiku u l-mexxejja tal-Istat Iżlamiku.

Il-Qorti kompliet tisma’ Attard kien ġie infurmat li grupp ta’ Sirjani bdew jaqsmu materjal dwar it-terroriżmu Jihadist permezz tal-midja soċjali. Ingħad li dan il-materjal baqa’ jiżdied u kien għalhekk li nfetħet inkjesta Maġisterjali fl-20 ta’ Marzu li għadda sakemm fis-27 t’April ġew arrestati.

Fost dan l-istess materjal kien hemm dokumenti dwar it-tneħħija u l-ilbies tal-hijab. Skont ix-xhieda ta’ Attard, il-librerija elettronika tal-Europol ikkonfermat li dan ma kien xejn għajr propaganda. Wieħed mis-seba’ akkużati, Mohammed Mohammed, kien qal li ma jafx bl-eżistenza ta’ dawn id-dokumenti fuq il-mowbajl tiegħu.

L-avukati José Herrera, Robert Galea, Alex Scerri Herrera, Matthew Xuereb u Alicia Borg dehru għall-imputati.

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispetturi Jean Paul Attard u Jeffrey Cutajar, megħjuna mill-avukati Antoine Agius Bonnici, Francesco Refalo u Rebeca Spiteri mill-uffiċċju tal-Avukati Ġenerali (AĠ).

Il-każ mistenni jkompli jinstema’ nhar il-Ħamis li ġej fil-11:30 a.m.

Ekonomija

Sport