Saturday, May 17, 2025

‘Minn Qalb GymStars – Il-Viżjoni wara l-Għan’ – Alexandra Borg

President tal-GymStars Gymnastics Club u bħala kowċ ewlenija tal-ginnastika f’pajjiżna.

Aqra wkoll

Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-ginnastika?

L-imħabba tiegħi lejn il-ginnastika bdiet minn meta kont żgħira. Kelli dejjem passjoni għall-moviment u l-isfidi fiżiċi, imma kienet il-kombinazzjoni ta’ dixxiplina, eleganza u saħħa li verament ġbiditni. Ma domtx ma fhimt li dan l-isport ma joffrilekx biss ħiliet fiżiċi, imma wkoll karattru, impenn u passjoni li jdumu għal ħajtek kollha.

Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala president tal-GymStars Gymnastics Club u bħala kowċ ewlenija tal-ginnastika f’pajjiżna.

Bħala president tal-GymStars Gymnastics Club, ir-rwol tiegħi huwa li nħares lejn il-viżjoni fit-tul tal-klabb u nara li nagħti l-aqwa appoġġ possibbli lit-tim kollu – mill-kowċ ewlenija, iżda bħala mexxejja kont dejjem impenjata li ninvesti fi kwalitá għolja mhux biss b’Masters u taħriġ f’High Performance, li għandhom esperjenza bħala kowċis nazzjonali barra minn Malta. 

Kelli xorti kbira li nara lil waħda minn dawn il-kowċis tingħaqad mal-klabb tagħna u tibda vjaġġ mal- GymStars li issa ilu għaddej aktar minn għaxar snin. Il-kontribut tagħha mhux biss għolla l-livell tekniku, imma poġġa lil Malta fuq il-mappa tal-ġinnastika internazzjonali. Għamlet storja vera għal dawk il-ġinnasti li qabel kienu qishom minsija – u llum qed jikkompetu f’livelli għoljin u jirrapreżentaw lil pajjiżna b’dinjitá.

Il-GymStars Gymnastics Club  huwa wieħed mill-ftit klabbs f’Malta li għandu apparat komplut u professjonali għall-ginnastika artistika, b’apparat omologat li jinkludi vault, bars, beam, floor, tumble track, trampolini u foam pits – kollha maħsuba biex jagħtu l-aqwa taħriġ fl-iktar ambjent sigur u adattat.

Iżda dak li tassew jagħmel lil GymStars uniku huwa l-impenn biex joħloq esperjenzi internazzjonali ta’ livell għoli għall-atleti tiegħu. Il-klabb ilu snin jorganizza training camps internazzjonali regolari fejn jilqa’ esperti ta’ fama dinjija, inkluż kowċis li kienu involuti direttament fl-Olimpjadi u fil-ġurnata mexjin atleti ta’ livell elite. Dan jagħti lill-ginnasti Maltin l-opportunità li jitħarrġu ma’ u jitgħallmu minn fost l-aqwa professjonisti fl-isport, bla ma jkollhom għalfejn jivvjaġġaw barra xi kultant. 

Din hija esperjenza imprezzabbli li tgħin mhux biss fit-titjib tekniku, imma wkoll fil-motivazzjoni u l-viżjoni ta’ x’jista’ jintlaħaq bil-passjoni u l-impenn.

Kif tqis il-livell tal-ġinnastika f’pajjiżna fil-preżent?

Il-livell tal-ginnastika f’Malta tjieb b’mod notevoli f’dawn l-aħħar snin. Mhux biss qed naraw titjib tekniku fost l-atleti, imma qed nara wkoll opportunitajiet konkreti għall-iżvilupp tagħhom, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll internazzjonali.

Dan il-progress ġie wkoll grazzi għall-impenn qawwi tal-Federazzjoni Maltija tal-Ginnastika u l-kumitat il-ġdid tagħha, li verament għamel passi ta’ ġgant biex itejjeb l-isport f’pajjiżna. Fattur importanti kien il-konnessjonijiet internazzjonali – fil-fatt, il-ġimgħa li għaddiet kellna l-unur li nilqgħu l-Kunsill kollu tal-Federazzjoni Internazzjonali tal-Ginnastika (FIG) hawn Malta. Dan mhux biss poġġa lil pajjiżna fuq il-mappa internazzjonali, imma fetaħ bibien ġodda għall-ginnasti Maltin.

Il-Federazzjoni qed taħdem id f’id mal-Kumitat Olimpiku Malti (KOM) u SportMalta biex mhux biss jinħolqu opportunitajiet ta’ taħriġ u kompetizzjonijiet, imma wkoll biex tingħata l-għajnuna finanzjarja meħtieġa lill-atleti tagħna sabiex ikunu jistgħu jivvjaġġaw u jikbru fl-isport li tant iħobbu. Dan kollu qed iħalli impatt pożittiv u jsaħħaħ is-sisien tal-ginnastika f’pajjiżna.

Kif tqis il-mentalità tal-isport f’pajjiżna fil-preżent?

Qed naraw aktar apprezzament lejn l-isport bħala parti essenzjali mill-iżvilupp taż-żgħażagħ. Il-ġenituri u l-pubbliku bdew jaraw l-isport mhux biss bħala passatemp, imma bħala mezz ta’ tagħlim, dixxiplina u stil ta’ ħajja. Għad hemm bżonn aktar investiment u kultura li tappoġġja l-isport professjonali, imma mexjin fid-direzzjoni t-tajba.

Kif qed tħares lejn il-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar f’Andorra, fejn se jkollok erba’ ginnasti li se jkunu qed jieħdu sehem u li għamlu l-istorja? 

Hija esperjenza storika għal Malta – għandi erba’ ginnasti nisa li se jikkompetu fil-Logħob tal-Pajjiżi ż-Żgħar. Hija xhieda ċara ta’ kemm il-ġinnastika f’pajjiżna qed timxi ’l quddiem. Din mhux biss opportunità għall-atleti nfushom, imma wkoll mument ta’ ispirazzjoni għal kull tifel u tifla li għandhom ħolma. Kburija li qed nassisti lil dawn il-ginnasti u lil Malta f’din il-pjattaforma prestiġjuża.

U lejn il-futur tiegħek fil-ġinnastika?

Il-futur tiegħi fil-ginnastika hu dedikat għal żewġ affarijiet: li nkompli nsostni atleti biex jilħqu l-potenzjal tagħhom, u li naħdem għal titjib strutturali u istituzzjonali li jagħti appoġġ konkrett lill-isport. Għandi viżjoni ċara – li naraw l-ġinnastika f’Malta tingħaraf bħala sport professjonali b’infrastruttura moderna u opportunitajiet għal kulħadd.

Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jibda jipprattika l-ġinnastika.

Il-ġinnastika hija aktar minn sport – hija skola għall-ħajja. Tgħallmek dixxiplina, rispett, saħħa u kuraġġ. Jekk inti jew ibnek/tifla tiegħek qed taħsbu biex tibdew, għamlu l-ewwel pass. Mhux dejjem se jkun faċli, imma kull ħila li titgħallem, kull sfida li tegħleb, se jagħmlek aktar b’saħħtek – fiżikament u mentalment. U fuq kollox, se tieħu gost tagħmel dan!

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport