F’Jannar 2022, is-Supretendent tal-Pulizija Frank Tabone kien ċentrali għar-raid fuq id-dar tal-Eks-Prim Ministru u l-Eks Mexxej tal-Partit Laburista, Joseph Muscat.
Raid mimli leaks – bil-midja u l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista aġġornati illegalment b’dak li kien għaddej. Saħansitra l-President Onorarju tal-Għaqda Repubblika Robert Aquilina tfaċċa fuq il-post biex isegwi mill-qrib, bħallikieku kien xi spettaklu għalih.
U hekk kien. Spettaklu politiku, mhux proċess ġudizzjarju.
Mela ġurnata qed tagħmel raid fuq dar ta’ Eks-Prim Ministru, joħorġu l-applikazzjonijiet tal-elezzjoni ġenerali, u llum uffiċjalment kandidat mal-Partit Nazzjonalista. Dan normali?
L-eks Supretendent issa bidel l-arma…mill-badge tal-Pulizija għall-Maduma tal-Partit Nazzjonalista.
Fejn hija l-indipendenza u r-rispett lejn l-istituzzjonijiet li dan il-Gvern ħadem tant biex isaħħaħ?
Qabel Ġunju għidtilkom ċar u tond: Jien mhux se naċċetta persekuzzjoni politika. U nerġa’ ngħidha llum. Jien niddefendi lil kull min ikun vittma ta’ inġustizzja. Għax meta din il-viljakkerija politika sseħħ fil-beraħ u bl-akbar sens t’impunità, ma jitlifx persuna waħda. Nitilfu lkoll kemm aħna.
Imbagħad jiġu jgħidulna li: “magħqudin flimkien għal għan wieħed.”
Tafu x’inhu l-għan tagħhom?
1. Li jkissru lil Joseph Muscat.
2. Li jfixklu lill-Gvern Laburista, u
3. Li jkissru lill-Partit Laburista.
Jiena mhux se noqgħod kwiet. La llum, la għada, u lanqas qatt.
Għax jekk lesti jagħmlu dan lil Joseph Muscat, immaġinaw x’lesti jagħmlu lil kull wieħed u waħda minna.