Saturday, December 21, 2024

Minn sentenza ta’ ħabs għal probation fuq passaport falz

Aqra wkoll

Tifel ta’ 16-il sena mill-Eritrea li kien ikkundannat sena priġunerija fuq passaport falz kellu s-sentenza mibdula għal waħda ta’ probation wara li l-Qorti tal-Appell qieset li meta wettaq ir-reat li huwa ammetta għalih kien għadu taħt l-età.

Quddiem il-Qorti preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera, irriżulta li l-appellant huwa minuri li daħal Malta mhux akkumpanjat mill-ġenituri tiegħu. Mill-istqarrija tiegħu, jirriżulta wkoll li l-familja tiegħu nqatlu fl-Eritrea u kien għalhekk li ddeċieda li jirkeb dgħajsa mil-Libja f’Mejju 2021 bil-ħsieb li jmur lejn l-Italja. 

Il-Qorti saħqet li kellha tingħata kunsiderazzjoni li l-appellant huwa minuri u esperjenza ta’ ħabs ma ssarraf għal xejn ħlief trawma li taffettwalu ħajtu. Il-Qorti qalet li fiċ-ċirkostanzi, minuri f’dawn is-sitwazzjonijiet huma aktar vulnerabbli u suxxettibbli għal traffikar u sfruttament.

Għalhekk fid-dawl ta’ dan u kif ukoll tal-koperazzjoni tiegħu mal-pulizija u l-fedina penali netta tiegħu, biddlet is-sentenza minn waħda ta’ ħabs għal ordni ta’ probation għal żmien sena. 

Ekonomija

Sport